Infrastruttura
X’rimedji hemm għal residenti li jsofru ħsarat b’xogħol ta’ kostruzzjoni?

Il-Kamra tal-Periti u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi għandhom bosta punti ta’ konverġenza meta aktar tard ser ikunu qed jipproponu lill-Gvern miżuri għall-industrija tal-kostruzzjoni. Il-Presidenti taż-żewġ assoċjazzjonijiet stqarrew qbil fuq diversi punti li jeħtieġ li jkunu indirizzati biex il-liġijiet dwar l-industrija tal-bini jkunu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum. Huma ħadu sehem fil-programm Dissett fejn fost oħrajn, resident f’Tas-Sliema stqarr li għadu qed jgħix f’daru minkejja li l-Perit wissieh li tista’ taqa’ parti minħabba tħaffir li sar ħdejh.

L-istorja ta’ George Galea li ilu xhur jgħix f’periklu minħabba tħaffir li qed isir maġenb id-dar tiegħu f’Tas-Sliema ħadet dimensjoni oħra wara t-tiġrif tal-binja fil-Mellieħa s-Sibt li għadda.

Intervista għall-programm Dissett, is-Sur Galea stqarr li l-ġirien tiegħu dabbru rashom imma huwa m’għandux fejn imur anke jekk ġie mwissi mill-Perit li parti mid-dar tiegħu qiegħda f’periklu li taqa’. Is-sur Galea wriena l-ħsarat li żviluppaw fid-dar tiegħu bit-tħaffir tal-blat. “Mad-dar kollha, speċjalment, hawn isfel, u fejn għandi l-kċina u l-kamra tal-banju, u anki hemm beda nieżel u nqasam. Il-kuntrattur għidtlu kemm-il darba imma ma jridx jisma’. Hawn minn meta bdew iħaffru ftit ftit beda jmur ‘il barra, kwart, żewġ kwarti, tliet kwarti, ara kemm infetaħ hemm. Il-Perit kulma qalli oqogħdu attenti għax ħin jew ieħor jinżel.”

Il-Perit Dr Robert Musumeci sostna li l-liġijiet jipprovdu sitwazzjonijiet bħal tas-Sur Galea.

“Jiena bħala ċittadin għandi nkun naf l-avenues fejn għandi nirrikorri. Jiġifieri jekk jiena nkarigajt Perit, il-Perit għandu jigwidani, jgħidli isma’, ħa mmur il-building regulations office u nara jekk hemmx il-geological survey, ħa mmur il-BRO u nara xi ntqal fil-method statement, u nara jekk dak li hemm fl-istatement huwiex qiegħed jiġi implimentat fil-post” qal Dr Musumeci.

Quddiem din l-esperjenza, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti qal li dawk kollha involuti fl-industrija tal-kostruzzjoni għandhom bżonn isibu s-soluzzjonijiet biex isalvaw l-industrija.

Sandro Chetcuti qal “irridu niltaqgħu u jekk hemm bżonn nagħmlu xahrejn sa nofsilejl inħabbtu ras ma’ ras biex nagħmlu biċċa xogħol tajba biex intejbu l-industrija li hija tant importanti għall-ekonomija Maltija”.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker qalet li l-kamra ilha mill-2007 issejjaħ għall-aġġornament tal-liġijiet dwar il-bini li qalet huma inadegwati għaż-żminijiet tal-lum. Il-ġeoloġista Dr Peter Gatt saħaq li l-industrija tiddependi ħafna mill-ġeologija kemm minħabba l-blat kif il-materjali li jintużaw fiha. Ilmenta li hemm nuqqas ta’ professjonalità f’dan il-qasam li jeħtieġ tkun indirizzata minn persuni b’kompetenzi professjonali għax mhux biżżejjed li jkollok il-liġijiet ġeneriċi.

Dissett jixxandar illejla wara l-aħbarijiet fuq TVM.

Ara wkoll:

ARA: “Il-Perit qalli noqogħdu attenti għax ħin jew ieħor il-bini jinżel” – resident biswit sit ta’ kostruzzjoni

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar