X’sar minnhu l-pjan tal-MFA għal tim fil-Lega Pro?

Ftit tal-jiem ilu l-President tal-MFA Bjorn Vassallo kien il-mistieden ewlieni tal-programm Popolin. Matul il-programm huwa tkellem dwar il-viżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Football Malti li ġiet imnedija fl-aħħar jiem. Viżjoni imfassla fuq tmien pilastri ewlenin.

Fil-programm Vassallo ġie mistoqsi x’sar minnha l-idea li Malta jkollha tim fil-Lega Pro, liema idea kienet proposta ewlenija tal-istess President meta ikkontesta l-elezzjoni għall-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football.

Vassallo spjega li qabel il-pandemija, l-assoċjazzjoni flimkien mal-partijiet interessati kienu viċin li jilħqu ftehim biss il-virus tal-Covid19 sfratta kollox. Vassallo tenna li fil-mument ma tagħmilx sens li l-assoċjazzjoni tieħu sogru għal investiment ta’ dak il-kobor. “Biex tmexxi tim bħal dak iridu jingħataw numru ta’ kuntratti lill-plejers u l-amministraturi, l-istess bħal meta tmexxi tim professjonali”.

Fis-snin li ġejjin hemm iċ-ċans li jinbidel il-mudell ta’ dan il-proġett, stqarr Vassallo. Dan għaliex il-mudell eżistenti kien ser jiġi sostnut mill-Gvern Malti, biss minflok ittieħdet id-deċiżjoni li dik l-għajnuna tintuża fuq l-infrastruttura sportiva. Permezz ta’ din l-infrastruttura l-MFA tkun tista’ tiżviluppa aħjar numru ta’ proġetti li jifformaw parti mill-viżjoni strateġika tagħha.

Vassallo saħaq li jekk il-proġett tal-Lega Pro jibqa’ prijorità għall-Assoċjazzjoni, issa għandu jsir permezz ta’ investiment mill-privat.