Lokali
X’satira jistenna l-Arċisqof fil-Karnival?

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li tassoċja l-Arċisqof mal-abbuż tat-tfal ma jaħsibx li hija satira. Qal li wieħed irid jiddistingwi meta l-arti ma tibqax espressjoni tas-satira imma ssir tfigħ tat-tajn.

Huwa qal dan waqt intervista li saritlu minn Newsbook.  Għall-mistoqsija li saritlu dwar il-karru tal-karnival li qajjem kontroversja sħiħa, Mons. Scicluna qal li jħoss li hu inġust li hu ġie assoċjat mal-abbuż tat-tfal, “inġust li tassoċjani mal-abbuż tat-tfal. Lil ebda isqof, iżda b’mod partikolari lil Charles Scicluna.” Saħaq li “li isqof tneżżgħu mid-dinjità tiegħu u timplika li hu parti minn sistema li tabbuża t-tfal m’intix iddaħħak imma qed titfa’ t-tajn.”

Stqarr li japprezza s-satira, u bħalma jkun hemm karru fuq l-Arċisqof, l-istess ikun hemm fuq il-politiċi.

Mons. Scicluna kompla jgħid li jittama li apparti fuq l-Arċisqof ikun hemm ukoll karrijiet fuq politiċi. “Kurjuż nara jekk hemmx karrijiet sponsjorjati minn xi arloġġi speċifiċi jew brands ta’ inbid partikolari” qal Monsinjur Scicluna.