Lokali
X’se jiġri mill-prezzijiet tal-kirjiet?

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà, Chris Agius stqarr li l-Gvern u s-settur privat jistgħu jaħdmu id f’id biex flimkien jipprovdu housing affordabbli. Is-sur Aguis kien qed jitkellem f’konferenza tal-Malta Institute of Management dwar is-suq il-kirjiet ftit jiem biss wara li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi pproponiet sħubija bejn il-Gvern u l-privat biex dan ikun jista’ jipprovdi kirjiet bir-rata ta’ €300 jew €400 fix-xahar.

Waqt konferenza organizatta mill-Malta Institute of Management li analizzat is-suq tal-kera u l-proprjetà f’Malta, diversi kelliema qalu li jistennew li l-prezzijiet tal-propjetà jkompli jiżdiedu minħabba diversi raġunijiet, fosthom iż-żieda fil-ħaddiema barranin, it-tkabbir ekonomiku u forom l-ġodda tal-familji.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Suq tal-Proprjetà Chris Agius qal li l-Gvern jagħraf il-konsegwenza li dan qed ikollu fuq sezzjoni tal-poplu li qiegħda ssibha bit-tqila biex tlaħħaq mal-kirjiet. Huwa qal li l-Gvern waqt li jassigura li l-qasam tal-proprjetà jibqa’ jikber, irid li l-familji Maltin ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż biex jixtru jew jikru proprjetà.

“It-triq ‘il quddiem hija li fil-qasam tal-kiri jkun hemm aktar kontrolli u regolamentazzjoni fuqu, li min jikru jagħmel kuntratt sabiex jiġi salvagwardjat kemm l-owner kif ukoll min qed jikri” qal Chris Agius.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li l-kwistjoni ta’ housing affordabbli tista’ tiġi indirizzata b’ħidma flimkien mal-privat biex ikun hawn iżjed propjetajiet għall-kiri fis-suq.

Iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupatturi Sandro Chetcuti qal li fil-ġranet li ġejjin l-Assoċjazzjoni ser tifforma Fondazzjoni biex taħdem għal housing affordabbli.

Sandro Chetcuti qal “hemm ħafna modi kif tista’ taħdem, trid tkun pro business u l-fondi li jiġu investiti jistgħu jkunu ġejjin mill-pubbliku inġenerali u l-pubbliku stess ikollu nċentiv li jgawdi interessi raġonevoli ħafna iżjed milli jkunu l-banek pereżempju.”

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli qalet li s-suq tal-kera sejjer tajjeb u li l-Gvern għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jaf x’qed jiġri fis-settur tal-kera.

Marthese Portelli qalet “għamilt żewġ suġġerimenti li naħseb jibbenifikaw minnhom kemm min qed jikri, il proprjetà tiegħu kif wkoll min qiegħed ifittex li jikri. Waħda minnhom hi li jkun hemm rental registry però wkoll wieħed għandu jibda jaħseb x’tip ta’ inċentivi jista’ jkun hemm għal minn joffri l-proprjetà tiegħu kemm għal short let kif ukoll il-long let.”

Dwar jekk hemmx bużżieqa fis-suq tal-kera, l-Ekonomista Gordon Cordina qal li r-riskju ta’ bużżieqa fis-suq huwa baxx ħafna. Dr Cordina żied jgħid li l-ambjent favorevoli fis-suq tal-proprjetà ma għandux jiġi sfrutat għal profitt biss iżda għandu jintuża għal investimenti fit-tul li jirrispettaw l-ambjent.

Aħbarijiet Oħra
Parlament

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li kliem li ntqal fi tweet mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jikkostitwixxi prima facie ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona u talab lid-Deputat Nazzjonalista jagħmel apoloġija….

Lokali

Rappreżentanti ta’ ħames organizzazzjonijiet internazzjonali tal-midja li fl-aħħar jiem kienu f’Malta f’dik li sejħu missjoni għal-libertà tal-espressjoni, qalu li l-Gvern għandu jassigura li qed issir investigazzjoni sħiħa dwar il-qtil ta’…

Lokali

Il-Virtu Ferris qalet li għada se tħassar il-vjaġġi tagħha. Fuq Facebook, il-kumpanija qalet li kellha tħassar il-vjaġġi tagħha minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar u l-maltemp.

Kronaka

Il-lejl li għadda 2 vetturi ħadu n-nar. Għall-ħabta ta’ 11.45pm karozza ħadet in-nar fi Triq il-Vitorja Ħal Qormi, b’konsegwenza li n-nirien inferxu fuq karozza oħra u parti minn binja. Ftit…

Aktar