Lokali
X’se jkollu differenti ċ-ċensiment din is-sena?

“Kulħadd jgħodd” hi t-tema taċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u d-Djar li għalih se tibda tinġabar informazzjoni fuq 520,000 persuna f’Ottubru u Novembru li ġej.

L-Uffiċjal taċ-Ċensiment, Etienne Caruana, qal li fuq medda ta’ 3 ġimgħat se jiġu intervistati iktar min nofs miljun persuna, mhux il-Maltin biss. Hu spjega li għall-ewwel darba sa mill-1842 meta sar l-ewwel ċensiment nazzjonali, l-informazzjoni f’dan iċ-ċensiment mhux se tkun marbuta ma’ lokalita’, imma ma’ kull kilomteru kwadru ta’ art fil-pajjiż. Is-Sur Caruana qal li b’dan iċ-ċensiment, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika se joħroġ fuq il-mapep ta’ Malta kif inhuma mqassmin il-familji u d-djar biex b’hekk ikun hemm informazzjoni kif inhuma mqassmin il-familji kull kilomteru kwadru ta’ art.

Mistoqsi minn Television Malta ntlaqgħux xi suġġerimenti tal-pubbliku mill-konsultazzjoni li saret sena ilu għal domandi taċ-ċensiment, is-Sur Caruana wieġeb li effett ta’ dan fil-kwestjonarju ddaħħlu mistoqsijiet fuq l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza u r-reliġjon. Spjega li fiċ-ċensiment hemm għadd ta’ mistoqsijiet marbuta mal-familja u d-djar li se jkunu l-istess għal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fejn isir iċ-ċensiment kull għaxar snin.

“Aċċennajna ħafna fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-poplu kollu Malti għax ovvjament is-saħħa taċ-ċensiment jiddependi mill-kontribuzzjoni ta’ kulħadd.”

Id-Deputat Uffiċjal taċ-Ċensiment, Silvan Zammit, spjega li f’Ottubru se tintbagħat ittra lil 220,000 dar bid-dettalji ta’ kif il-kwestjonarju jista’ jimtela’ online. Mill-ewwel sal-aħħar ta’ Novembru mbagħad, uffiċjali mqabbdin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika se jduru ‘l fuq minn 8,000 triq f’Malta u Għawdex biex jaraw min għandu bżonn għajnuna biex jimla l-kwestjonarju.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, qal li dan iċ-ċensiment jiswa lill-pajjiż 3 miljun ewro u jinvolvi 1,300 persuna biex ikun jista’ jsir. Qal li għall-ewwel darba, malli jitlesta dan iċ-ċensiment nazzjonali, se jsir ċensiment ieħor.

“Se jsir ċensiment ieħor li janalizza l-ħiliet fost il-poplu Malti u Għawdxi.”

Qal li b’hekk il-Gvern se jara l-potenzjal tal-kapital uman li fil-pajjiż ngħidu li hu l-unika riżorsa li għandna. Il-Ministru Caruana qal li b’dan iċ-ċensiment fuq il-ħiliet, il-Gvern ikun jista’ jibni politika sostenibbli tas-suq tax-xogħol biex il-pajjiż ikollu miri ċari f’dan il-qasam u s-suq tax-xogħol jibqa’ b’saħħtu.

Ritratt meħud qabel il-COVID-19.