Lokali
X’seħħ matul il-jum tal-għadd tal-voti?

L-istennija għar-riżultat li ħadet ftit iktar fit-tul milli mbassar bdiet sa minn kmieni dalgħodu bid-Deputat Hermann Schiavone jindika rebħa kbira għall-Partit Laburista ftit qabel it-8am waqt li għal ħabta tad-9.30am, il-Ministru Michael Falzon fuq TVM qal li l-Partit Laburista kiseb maġġoranza assoluta tal-voti. Imbagħad kien il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat li ftit wara l-11am fuq TVM ħabbar li l-Partit Laburista ser ikollu l-akbar rebħa elettorali b’madwar 55% tal-voti.

Ftit qabel kellhom jibdew jinkixfu l-voti fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li 72.6% tal-votanti xeħtu l-vot tagħhom fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan huwa kważi 2% inqas mill-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew ħames snin ilu. Ir-rata ta’ partiċipazzjoni fl-elezzjoni tal-kunsill lokali kienet ta’ 60.46%.

Kmieni l-Ħadd filgħodu, id-Deputat Hermann Schiavone b’esperjenza fis-sistema elettorali bassar dik li ddeskriva bħala rebħa kbira għall-Partit Laburista. F’kollegament telefoniku waqt xandira diretta fuq TVM, id-Deputat Schiavone qal li mit-turnout tal-votant, il-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jimmobilizza l-votanti tiegħu u bassar li l-Partit Laburista se jkollu rebħa ikbar minn dik tal-2014.

“Jidher illi mit-turnout, illi hemm faxxa ta’ Nazzjonalisti li ddeċidew li ma joħorġux jivvotaw ilbieraħ” qal Schiavone.

Ftit qabel id-9.30am, il-Ministru Michael Falzon iddikjara ma’ TVM li kollox kien qed jindika li l-Partit Laburista kiseb maġġoranza assoluta.

Michael Falzon qal “mhux qed nitkellem fuq numru f’dan l-istadju, ma rridx inkun irresponsabbli u lanqas se nitkellem fuq maġġoranzi X, Y u Z.”

Kien ftit wara l-intervent tal-Ministru Falzon, meta fis-sala tal-għadd tal-voti, bdew idawru l-voti wiċċhom ‘il fuq u dak il-ħin il-partiti bdew jagħmlu s-sondaġġi tagħhom. Għall-ħabta tal-11.10am il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat f’kumment telefoniku fuq TVM qal li r-riżultat proviżorju tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jirrifletti l-ikbar distakk politiku fl-istorja tal-pajjiż. Qal li skont ċifri proviżjonali, sa dak il-ħin id-distakk bejn il-partiti huwa ta’ 17%, bil-Partit Laburista jirbaħ 55% tal-voti. Żied jgħid li b’dan ir-riżultat l-Partit Laburista jidher li ser jikseb ir-raba’ siġġu.

“Għalina din kienet target fil-bogħod ħafna u ninsab grat ħafna kważi speechless li rnexxielna” qal il-Prim Ministru.

Ftit wara s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’umiltà r-riżultat u jrid jitgħallem minnu għall-futur biex jirrappreżenta aħjar l-aspirazzjonijiet tal-poplu.

F’kumment ma’ TVM is-sur Puli qal li l-Partit Nazzjonalista beda joqgħod u jieħu dinaminka ġdida għaliex id-distakk huwa ferm inqas minn dawn li kienu jindikaw is-sondaġġi li qal li kienu qed jindikkaw distakk ta’ bejn 65,000 u 80,000 vot. Dwar ir-raba’ siġġu, is-sur Puli qal li l-indikazzjonijiet juru li l-Partit Laburista jista’ jtella’ r-raba’ siġġu mingħajr kwota.

“Għandna bażikament, ftit ‘l hawn u ftit ‘l hemm l-istess riżultat tal-elezzjoni ġenerali” qal Clyde Puli.

Fiċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat irreveda ‘l fuq ir-riżultat tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru qal “flimkien ksibna sa issa, aktar minn 55% tal-voti u sa issa maġġoranza ta’ 48,000 vot.”

Intant fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti kompla l-proċess biex isiru magħrufa s-sitt kandidati li ġew eletti fil-Parlament Ewropew.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

F’aktar minn ħamsin sena, l-Għaqda Alkoħoliċi Anonimi għenet mijiet ta’ persuni bi problema ta’ xorb żejjed, u ħafna drabi anke lill-qraba tagħhom permezz tal-AL-ANON. TVM tkellem ma’ raġel li 27…

Infrastruttura

Għaddejin l-aħħar tħejjijiet għat-tlestija ta’ Triq Ħal Luqa, li hija l-arterja ewlenija bejn Santa Luċija u Ħal Luqa. Bejn it-Tlieta filgħodu u l-Erbgħa waranofsinhar, it-triq se tingħalaq f’direzzjoni waħda sakemm…

Trasport

Matul l-aħħar snin, Transport Malta flimkien mal-Ministeru tat-Trasport nedew diversi skemi fuq ix-xiri ta’ mezzi tat-trasport biex jonqos it-tniġġis tal-arja. Tnejn mill-iskemi li qed jagħtu riżultati huma għax-xiri tal-karozzi elettriċi…

Aktar