Saħħa
X’servizzi reġgħu bdew jingħataw f’Mater Dei?

Fl-isptar Mater Dei, mil-lum reġgħu bdew jingħataw servizzi li kienu twaqqfu fil-bidu tal-pandemija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar, Celia Falzon, spjegat li s-servizzi fl-outpatients żdiedu b’madwar 25% tas-servizzi, b’għadd ta’ restrizzjonijiet, fosthom b’anqas iffullar.

Qalet li kull min kellu jew għandu appuntament irid jistenna telefonata mill-isptar biex imur.

Uħud mis-servizzi tas-saħħa fl-isptar Mater Dei, li kienu sospizi minħabba l-pandemija, reġgħu bdew jingħataw, imma b’restrizzjonijiet.

Il-Kap Eżekuttiv spjegat li anke l-isptar irid jagħti s-servizzi fil-kuntest ta’ normalità ġdida.

“Ma jistax ikun li nkunu lura għan-normal. Irridu nifhmu li din il-marda għadha magħna. Kif qed naraw in-numri qegħdin hemm però naturalment ma nistgħux nibqgħu għal żmien twil aħna ma noffrux ċerta servizzi li kif jgħaddu x-xhur jibdew isiru iktar u iktar importanti li aħna naraw il-pazjenti u nagħtuhom il-kura.”

Bdew jiżdiedu s-servizzi fid-dipartiment tal-outpatients. Il-Kap Eżekuttiv qalet li l-persuni għandhom jattendu biss fid-data u l-ħin mogħti f’kuntatt li qed isir mill-ġdid magħhom – kemm dawk li kellhom appuntament fix-xahrejn li għaddew u tħassar, u anke dawk li kellhom appuntament skedat għall-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.

“Qed nikkuntatjaw lill-pazjenti, ninfurmawhom li l-appuntament tagħhom ġie pospost fejn stajna nagħtuhom data, f’ħafna każi ma stajniex ħa nkunu ċari – tajnihielhom, fejn le għednilhom jistennew minn għandna u t-tobba qed jikkuntatjaw lill-pazjenti u dawk li importanti li jiġu issa qed ngħidulhom biex jiġu.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei qalet li qed tingħata prijorità lill-każijiet li ma jistgħux jistennew.

F’Mater Dei reġgħu bdew isiru wkoll l-operazzjonijiet li ma kinux urġenti, bħalma huma tal-ortopedija, dawk tal-bdil tal-ġenbejn jew l-irkoppa, operazzjonjijiet tal-għajnejn u tal-ġinekoloġija.

Żdiedu wkoll servizzi ta’ X-rays, CT scans, MRIs u ultrasounds.

Il-missirijet issa jistgħu jidħlu tul il-proċess kollu tal-ħlas u reġa’ beda jingħata s-servizz tal-IVF.

Is-Sinjura Falzon qalet li madankollu l-viżitaturi għadhom ma jistgħux iżuru lill-pazjenti. “Aħna bħalissa nħallu biss viżitaturi meta ssir il-Griżma, tal-mewt jiġfieri, vera fl-aħħar mumenti, għaliex kif nafu din l-imxija – avolja qed niftħu għax bilfors ma tistax żżomm il-pajjiż magħluq għal dejjem – però l-imxija għadha magħna.”

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni fis-sala tal-ENT fejn kien hemm għadd ta’ każi tal-coranavirus, is-Sinjura Falzon qalet li din tinsab magħluqa, saret investigazzjoni u l-pazjenti ġew trasferiti f’post ieħor.

Hi appellat lil min iħoss xi uġigħ jew kundizzjoni tiggrava biex ma jibżax imur l-isptar. “Ma jistax ikun li persuna li tħossha ma tiflaħx serjament ma tiġix hawnhekk għax tibża mill-Covid-19. Trid tibża’ wkoll mill-kundizzjoni li jkollha hi u minn dak li qed tħoss.”

Assigurat li f’Mater Dei qed isir kull sforz biex il-pazjenti jkunu protetti mill-virus.

Aħbarijiet Oħra
Solidarjetà

Il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ma kellhomx biżżejjed kliem ta’ tifħir għall-voluntiera li offrew 10,000 siegħa…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena minn Ta’ Xbiex weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7am fi Triq Tul il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq. Jidher li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur…

COVID-19

Raġel ta’ 56 sena huwa t-tmien vittma tal-Covid-19 f’Malta. Huwa miet il-lejl li għadda fl-Isptar Mater Dei. Waqt li tat rendikont tas-sitwazzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tat il-kondoljanzi…

Saħħa

Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju se jerġgħu jibdew jiġu offruti numru ta’ servizzi fil-komunità mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Madanakollu diversi istruzzjonijiet…

Aktar