Kultura
X’taf dwar in-niċeċ antiki f’beltek jew raħlek?

Huma mijiet in-niċeċ imxerrda ma’ kull rokna fl-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin. Faċilment issejħilhom monumenti b’sinifikat u xi ġrajja marbuta magħhom tan-nies li ħadmuhom.

Uħud minnhom huma xogħlijiet artistiċi maħduma mill-aqwa skulturi lokali. Oħrajn tant huma antiki li ftit li xejn nafu dwarhom.

“L-ambjent ta’ madwar il-ħajja tal-poplu Malti huwa mżejjen b’ħafna affarijiet li jagħżluna minn popli oħra. Fost dawn in-numru kbir ta’ niċeċ imxerrda fl-ibliet u rħula. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn in-niċeċ twaqqfu b’sinjali ta’ qima u devozzjoni. L-ikbar numru dedikati lill-Madonna, l-iktar taħt it-titli tal-Immakulata, tal-Assunta u tal-Madonna tal-Karmnu.

“Għandna mbagħad ħafna niċeċ ukoll ta’ San Pawl patrun ta’ Malta, San Ġużepp, San Ġwann Battista, patrun tal-Ordni, u anke ta’ Santu Rokku minħabba l-pesta u x’uħud anke għandhom miktub fuqhom is-sena 1813, meta Malta kien hawn pesta kbira,” spjega Tony Terribile, riċerkatur tal-istorja Maltija.

Mistoqsija komuni hija meta u min waqqaf dawn in-niċeċ. L-aktar post miżgħud bihom huwa Ħal-Qormi, fejn hemm madwar 200 biċċa xogħol. “Ħafna minnhom ma nafux min għamilhom għax huma għamlulhom nies privati b’sinjal ta’ devozzjoni imma għallinqas kienu jitolbu lill-isqof ta’ Malta biex ituhom l-indulġenzi u b’hekk nafu f’liema sena saru. Għandek ċertu devozzjonijiet popolari ħafna minnhom, iktar mil-lum, kienu jagħmlulhom il-festi dawn in-niċeċ, jixgħeluhom bil-fjakkli mad-dawra magħhom, speċjalment tal-kampanja.”

Terraqna mat-toroq tal-Belt, u sibna niċċa li tmur lura għas-seklu tmintax fi Strada Sant Ursula. Tifforma parti mill-kannierja tal-frattellanza tal-Kurċifiss. “Għandek skultura mill-isbaħ il-Belt, diġà semmejt f’dawn in-niċeċ għandek stil Barokk, stil Korint, Ioniku, għandek taħlita … kemm għandna teżori.”

Għalkemm ‘il biċċa l-kbira ta’ dawn in-niċeċ huma tal-ġebel, jeżistu wkoll niċeċ magħmula mill-injam. Dawn jinsabu l-iktar fit-tliet ibliet tal-Kottonera u fin-naħa t’isfel tal-Belt. U sal-lum dan il-patrimonju jibqa’ xhieda kemm minn dejjem in-niċeċ fit-toroq kienu għall-qalb il-poplu Malti.