MEUSAC
X’taħseb dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol?

Fl-aħħar tmienja u għoxrin sena, l-għadd ta’ nies li jaħdmu f’Malta żdied minn 130,000 għal 260,000 fl-2020, xenarju li għall-Professur Godfrey Baldacchino seħħet minħabba żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.

Il-Professur Baldacchino kien qed jieħu sehem f’diskussjoni organizzata mill-MEUSAC dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea li qed taġġorna d-direttivi tagħha dwar il-qasam.

Il-Professur Godfrey Baldacchino qal li x-xejriet tal-mod kif irdoppjaw in-nies li jaħdmu f’Malta fl-aħħar 28 sena jirriflettu l-mod kif evolviet is-soċjetà lejn waħda iżjed ugwali. Il-Professur Baldacchino, li jispeċjalizza fl-istudji dwar ir-relazzjonijiet industrijali u x-xogħol, qal li ż-żieda tirriżulta f’iktar nisa fis-suq tax-xogħol, li ġiet xprunata mill-mentalita’ li l-mara u r-raġel għandhom jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-familja, kif ukoll mill-kisbiet tan-nisa fl-edukazzjoni.

”Illum m’hawnx settur li tista’ tgħid huwa settur tar-raġel jew tal-mara u nisperaw li anki din l-evoluzzjoni fil-kamp kummerċjali anki testendi ruħha, f’irwol. u f’irwoli oħrajn per eżempju fil-kamp tal-governanza fejn għad għandna relattivanment numru baxx ta’ nisa vis a vis numru ta’ rġiel.”

Il-Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali Carmelo Abela, irrefera għad-differenzi li għadhom jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa fis-soċjetà u l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. Irrefera għall-miżura taċ-childcare mingħajr ħlas li qal wasslet biex żdied sostanzjalment l-għadd tan-nisa jaħdmu, minn 50.5% fl-2014 għal kważi 64% fl-2020. Il-Ministru Abela qal li filwaqt li m’għandux jitkasbar ir-rispett lejn dawk in-nisa li jagħżlu li jibqgħu d-dar, m’għandhiex issir diskriminazzjoni man-nisa li jaħdmu minħabba t-trobbija tat-tfal.

”Inżidu l-parental leave għall-irġiel… u dawn huma issues li rridu niddiskutu, għax għandek issues li huma ukoll marbuta mal-aspett finanzjarju tagħhom, għax bħala politiku naħrab minn dik ir-realta’ anki fid dawn jiġu implimentati…. imma bħala prinċipju, aħna naqblu magħhom.”

F’intervent minn Dr Anna Borg mill-Konfederazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa Maltin qalet li kienu biss tlieta l-missirijiet li ħadu l-leave meta saru ġenituri fl-aħħar sena. Dwar dan, il-Ministru Abela qal li direttiva ġdida tal-Unjoni Ewropea li se tidħol fis-seħħ fl-2022 se tindirizza fost oħrajn l-estensjoni tal-leave għall-ommijiet u missirijiet li jsiru ġenituri, bil-għan li tinqasam iktar ugwali r-responsabilità bejn il-ġenituri fit-trobbija tat-tfal.