Politika
X’tibdil qed jiġi propost għall-programm ta’ residenza b’investiment?

Se jiġu ppreżentati numru ta’ emendi fil-programm ta’ residenza b’investiment li f’sena ta’ pandemija ġġenera mal-€20 miljun f’investiment barrani f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dawn il-proposti li se jgħaddu għad-diskussjoni parlamentari, filwaqt li sostna li dan il-programm ta’ residenza jrid jikkompeti ma’ 20 oħra fl-Unjoni Ewropea u għalhekk tfassal biex ikun aktar attraanti u jkompli jkabbar l-investiment dirett barrani f’Malta.

F’Marzu mistenni jibda jitħaddem il-programm ġdid ta’ residenza b’investiment li se jkun qed ikompli jibni fuq il-programm l-antik li fl-aħħar erba’ snin ħalla kważi 50 miljun ewro fil-kaxxa ta’ Malta.

F’dan il-programm il-ġdid li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra illum ġew proposti diversi emendi fosthom, l-investiment inizjali tal-applikanti se jkun qed jirdoppja minn €30,000 għal €68,0000 f’każ li jixtru proprjetà jew €98,000 għal dawk li jagħżlu li jikru. Bidla oħra tinkludi l-kiri ta’ propjetà ta’ mill-inqas €12,000 fis-sena jew ix-xiri ta’ propjetà ta’ mill-inqas €350,000 sa mill-inqas 5 snin meta jingħataw iċ-ċertifikat ta’ residenza.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Residenza u l-Viża Charles Mizzi għamilha ċara li t-tibdiliet proposti se jaffettwaw lill-programm ta’ residenza u mhux l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment.

“Id-differenza hi ovvjament li d-drittijiet li l-applikant jkollu. Ċittadinanza għandu dritt bħali u bħalek bil-passaport. Fejn għandu x’jaqsam residenza jkollu d-dritt li eventawalment joqgħod hawnhekk. Ħafna mill-applikanti jkunu jixtiequ jagħtu futur aħjar lill-familjarji tagħhom; jibagħtu t-tfal l-iskola, jaħdmu u jiftħu negozju, pero ma jkollhomx dittijiet ta’ ċittadin normali.”

Is-Sur Mizzi spjega li bl-emendi l-ġodda, kull applikat irid jagħti donazzjoni ta’ €2,000 lil għaqda mhux governattiva. Żied jgħid li l-parti l-kbira ta’ dawk interessati japplikaw huma Ċiniżi, kif ukoll persuni mill-Afrika t’Isfel, it-Turkija, ir-Russja u l-Indja, fost oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, qal ma’ TVM li dan il-programm qed jitħaddem taħt skrutinju iebes t’erba saffi li jiżguraw li l-applikanti u l-familja tagħhom huma ta’ kondotta tajba.

“Il-programm tagħna huwa wieħed serju u l-ammont ta’ due dilligence li jsir fuq kull investitur huwa rigoruż ħafna. Biex aħna nibqgħu nibagħtu l-messaġġ hemm barra li ‘iva ejja Malta, pero trid tkun serju, trid turina li l-ġid li għandek f’ħajtek ħloqtu b’metodi tajbin, b’mod legali’ jekk dak ikun il-każ inħalluk tinvesti f’pajjiżna.”

Is-Segretarju Parlamentari Muscat qal li fl-2020 biss dan il-programm iġġenera 20 miljun u sostna li huwa għodda importanti sabiex il-Gvern jibqa jwieżen lin-nies speċjalment fiċ-ċirkostanzi tal-ġurnata. S’issa saru iktar minn 2,500 applikazzjoni għar-residenza, li skont il-Gvern, madwar 10% minnhom jiġu rrifjutati.