Lokali
X’tixtieq tindifen jew tiġi kkremat?

Ix-xogħlijiet ta’ estensjoni u restawr taċ-ċimiterju tal-Addolorata mistennija jibdew wara l-festi tal-Milied.

Fl-istess żmien, fil-Parlament se titressaq liġi għall-kremazzjoni li tiftaħ it-triq għal investiment mill-privat biex ikun hawn krematorju. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li stħarriġ li sar wera li jekk ikollhom l-għażla, 30% jagħżlu li jkunu kremati flok jindifnu.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-liġi tal-kremazzjoni, li ġiet proposta bħala abbozz ta’ liġi privat mid-Deputat Rosianne Cutajar se titla’ għad-diskussjoni fil-kabinett biex imbagħad mistennija tiġi ppreżentata fil-Parlament fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal “ħa jkun krematorju privat, jiġifieri aħna ħa nagħmlu l-liġi għal min jixtieq jagħmel krematorju. Il-market research jgħid li hemm min jixtieq jagħmel krematorju u l-market research li rajt jien turi li 30% tal-Maltin given a chance imorru għall-kremazzjoni.”

Il-kummissjonant tal-funerali, Mario Tonna, stqarr ma’ TVM li lest jinvesti fl-ewwel krematorju f’Malta.

Il-Kummissjonant, Mario Tonna qal “l-investiment ridt nagħmlu u għadni nixtieq nagħmlu imma minħabba li għad m’hemmx il-liġi tal-kremazzjoni f’Malta qabel ma jkun hawn liġi fejn tgħid li jista’ jsir proġett ma tistax sseħħ. Imma llum il-Gvern ukoll irid jgħaddi din il-liġi fil-Parlament nispera li fi ftit żmien ieħor ikollna riżultat tagħha kif ħa taħdem.”

Is-Sur Tonna qal li ilu mat-tletin sena joffri s-servizz ta’ kremazzjoni barra ‘l pajjiż. Qal li llum iħoss li l-mentalità qed tinbidel u aktar nies qed jinteressaw ruħhom fil-kremazzjoni minbarra li hawn barranin li huma mdorrija bil-kremazzjoni tal-mejtin tagħhom.

Is-Sur Tonna qal ” illum anke l-Maltin qed jiġu jistaqsu x’ħin jiġu jordnaw funeral u jgħidlek il-kremazzjoni meta se ssir f’Malta. Biss illum kif kulħadd jaf barra minn Malta ssir, ikollna klijenti li wara l-funeral li jagħmlu nibagħtuhom barra minn Malta, insifruhom u nġibuhom f’urna wara x’ħin isir il-proċess tal-kremazzjoni.”

Skont is-Sur Tonna, il-kremazzjoni ttaffi mill-problema tan-nuqqas ta’ oqbra. Tal-istess fehma hu l-kummissjonant Peter Bonello.

Il-Kummissjonant Peter Bonello qal “naħseb li ssolvi ftit mill-problema imma bil-mod u biż-żmien għax taf inti oġġett li ħa jibda ġdid imbagħad aħna bħala reliġjon qisna ma tantx nemmnu fil-cremation imma ż-żmien u l-barranin jibdel il-mument.”

Il-Knisja Kattolika tippermetti l-kremazzjoni sakemm din ma tkunx intgħażlet għal raġunijiet li jmorru kontra t-tagħlim Nisrani u sakemm l-irmied jinżamm f’post sagru bħalma huwa ċimiterju. Il-Knisja tgħid li l-għażla għall-kremazzjoni m’għandhix tkun riżultat ta’ ċaħda ta’ fidi fil-qawmien mill-imwiet.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar