Barranin
Xtraw pittura għal £1 miljun u ttertqet quddiemhom f’sekonda

Pittura minn artist misterjuż Ingliż, Banksy, tqattgħet waħedha fil-mument li nbiegħet għal aktar minn miljun sterlina waqt irkant f’Londra.

“Girl with Balloon”, waħda mill-aktar xogħlijiet magħrufa ta’ Banksy, għebet f’magna li tqatta’ l-karti li kienet moħbija fil-gwarniċ stess mal-aħħar daqqa tal-martell mill-irkantatur.

Dawk kollha li raw il-pittura tiddiżintegra quddiem għajnejhom baqgħu skantanti.

Banksy nnifsu tella’ ritratt fuq is-sit soċjali Instagram bil-kliem: “Going, going, gone…” Banksy huwa magħruf għall-graffiti b’temi politiċi fosthom fuq il-fruntiera ta’ Iżrael max-Xatt tal-Punent u Disneyland.

Minn artist tal-graffiti mill-belt ta’ Bristol, tul is-snin xogħol Bansky sar għandu valur kbir. Iktar tard fuq il-midja soċjali l-artist żvela li l-magna li tqatta’ l-karti kienet ilha snin moħbija fil-gwarniċ, u li kien ħoloqha apposta fl-eventwalità li l-pittura tkun se tinbiegħ.