Lokali
Xufier iqum minn postu biex jgħin raġel b’diżabbiltà fil-Gżira

Kienu ħafna dawk li apprezzaw il-ġest ta’ xufier ta’ karozza tal-linja, li qam minn postu biex jgħin raġel bis-siġġu tar-roti jitla’ fix-xarabank.

Persuna rrakkontat fuq il-midja soċjali kif ilbieraħ, għall-ħabta tas-2.15 ta’ waranofsinhar, raġel bis-siġġu tar-roti li kien waħdu fuq bus stop f’Rue d’Argens ried jitla’ fuq tal-linja bin-numru 703.

Ix-xufier kien pront qam minn postu biex jgħin lil dan ir-raġel.

Għalkemm ġest li jidher sempliċi, u forsi anki jkun hemm min jistenna li jsir dejjem, sfortunatament mhumiex ix-xufiera kollha li jħossuhom obbligati joffru din l-għajnuna. Iktar u iktar peress li l-karozzi tal-linja huma diġà attrezzati għall-persuni b’diżabbiltà.

Kelliem għal Malta Public Transport qalet lil TVM li kienet identifikat lil dan ix-xufier, u li kienet tagħtu rigal ta’ apprezzament.

Intant, mistoqsija x’inhuma l-obbligi tax-xufiera f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-kelliema għall-MTP qalet li x-xufier huwa obbligat iniżżel ir-rampa tax-xarabank.