Qorti
Xufier u erba’ diretturi jwieġbu mhux ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ żewġ passiġġiera fl-inċident tad-double-decker

Xufier u erba’ diretturi tal-kumpanija City Sightseeing Malta, tressqu l-Qorti akkużati b’sensiela ta’ akkużi dwar l-inċident li seħħ b’xarabank double-decker tliet snin ilu u li fih mietu żewġ persuni barranin. Huma wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes għall-prosekuzzjoni għax qal kaxkret saqajha biex toħroġ l-akkużi tant li erba’ minnhom ġew preskritti.

Charles D’Amato ta’ 27 sena li jgħix Ħal Qormi u erba’ diretturi tal-kumpanija City Sightseeing Malta, Noel Degabriele ta’ 24 sena, Philip Degabriele ta’ 32 sena u Kim Degabriele ta’ 40 sena li jgħixu Ħal Luqa, flimkien ma’ Lea Anne Borg ta’ 38 sena li tgħix il-Mellieħa, tressqu l-Qorti mixlija bil-qtil involontarju ta’ żewġ persuni barranin li kienu fost 54 persuni li fid-9 ta’ April 2018 kienu abbord xarabank double-decker li kienet involuta f’inċident fi Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq. Il-ħames akkużati wieġbu li mhumiex ħatja.

Fil-bidu tas-seduta, l-avukati difensuri qalu li erba’ mill-akkużi huma preskritti, għax għadda ammont ta’ żmien minn meta seħħ il-każ mingħajr mal-pulizija ħarġu l-akkużi. Għaldaqstant waqgħu l-akkużi li kkaġunaw b’mod involontarju ġrieħi ħfief fuq 13-il passiġġier abbord ix-xarabank u li b’mod involontarju kkaġunaw ħsara fix-xarabank. Preskritti wkoll l-akkużi fil-konfront ta’ D’Amato, li kien ix-xufier, li saq b’mod perikoluż u traskurat u li kien taħt l-influwenza tad-droga jew xorb alkoħoliku.

Il-prosekuzzjoni argumentat li l-pulizija ħarġu l-akkużi malli rċevew il-proċess verbal iffirmat mill-Maġistrat inkwerenti fl-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, għamlet referenza għaċ-ċirkolari tal-Korp tal-Pulizija maħruġa fl-4 ta’ Mejju 2016 mill-Assistent Kummissarju Mario Spiteri li fiha ta linja gwida dwar il-prosekuzzjoni kriminali fin-nuqqas tal-proċess verbal. Il-Maġistrat Mifsud qal li peress li dan kien inċident gravi, il-Prosekuzzjoni riedet toħroġ l-akkużi b’mod infurmat.

Il-Maġistrat Mifsud iċanfar lill-prosekuzzjoni u rrimarka li l-kawżi qed idumu jkarkru u ġab l-eżempju tal-lum meta tħarrku biss żewġ xhieda mentri kien hemm ħin biżżejjed biex ikun hemm iktar persuni biex jixhdu dwar il-każ.

Is-Supretendent Johan Fenech xehed dwar ix-xena li qal kienet makabra wara li mar fuq il-post tal-inċident, b’19 mill-passiġġieri ttieħdu għall-kura ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, 33 passiġġier l-isptar Mater Dei fejn erbgħa minnhom kienu f’kundizzjoni gravi ħafna u żewġ passiġġieri oħra, Spanjola u Belġjan li kienu fuq tax-xarabank, mietu fuq il-post.

Fix-xhieda tiegħu, is-Supretendent qal li l-biċċa l-kbira tal-passiġġieri qalu li ma nnotawx sewqan traskurat; qal li x-xufier kien lliċenzjat biex isuq double-decker u l-vettura kellha kollox sew inkluż assikurazzjoni. Is-Supretendent Fenech qal li tqabbad espert apposta biex janalizza s-siġra li tkaħħlet magħha x-xarabank fl-inċident u qal li z-zokk kien ftit ‘il barra imma biex wieħed jolqtu jrid isuq imħaxken mal-bankina.

Għax-xufier dehru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia filwaqt li l-avukati Shazoo Ghaznavi u Alessia Zammit McKeon dehru għall-akkużati l-oħra.

Ix-xhieda f’aktar dettall:

Jixhed is-Supretendent Johan Fenech 

Fix-xhieda tiegħu is-Supretendent Johan Fenech qal li ġie infurmat li kien  seħħ inċident gravi tat-traffiku, fi Triq il-Belt fiż-Żurrieq.  Qal li eta  mar fuq il-post ra xena li qatt ma’ ra qabel. Qal li kien hemm double decker ipparkjat fil-lane int u sejjer lejn il-Belt. Spjega li d-double decker kellu ħsarat kbar fuq il-parti tax-xelluġ – parti li kienet imċapsa bid-demm kien qed iċarċar id-demm.

Qal li fuq il-post kien hemm tobba, infermiera u CPD jassistu lid-diversi nies li weġġgħu speċjalment dawk li kienu fuq. Is-Supretendent Fenech qal li tela’ fuq il-bus u tela’ fuq. Hemm qal li ra r-railing ta’ fuq imkebbeb lura san-naħa ta’ wara tax-xarabank u żewġ katavri wieħed ta’ mara Spanjola li sofriet impatt qawwi ħafna fuq wiċċa tant li socket t’għajnejha tal-lemin kien imqabbeż ‘il barra u l-ieħor katavru ta’ raġel Belġjan li kellu driegħ tax-xellug nieqes. Imdendla m’għonqu kellu camera.

Spjega li minn stħarriġ li għamel sab li kien hemm impatt qawwi bejn in-naħa ta’ fuq tax-xarabank u siġra li kien hemm fuq il-bankina. Qal li nieżel isfel u ra li z-zokk tas-siġra kien mibrux u kellu żebgħa kompatibbli ma’ tal-bus.

Kompla jgħid li innota wkoll ħġieġ imkisser, zkuk, weraq u drigħ il-Belġjan. Qal li ftit ‘l isfel kien hemm ċellulari li kien tal-Belġjan u li ma ġie nnotat l-ebda break.

Qal li xufier tal-bus kien identifikat bħala Charles D’Amato, kien trawmatizzat u li meta sarlu l-breathyliser test irriżulta negattiv. F’Mater Dei itteħdulu kampjuni tad-demm u tal-urina.

Abbord il-bus kien hemm 54 passiġġeri kollha barranin. Spjega li 19 minnhom ittieħdu fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, 33 minnhom Mater Dei b’4 minnhom f’kundizzjoni gravi u kien hemm 2 mejta. Qal li l-biċċa kbira tal-passiġġieri qalu fl-inkjesta, li ma nnotawx “reckless driving” min-naħa tax-xufier. Tlieta qalu li nnotaw overspeading għax ħassew riħ ma’ wiċċhom.

Qal li xufier kien liċenzjat biex isuq il-bus u kollox kien in order inkluż insurance. Żied jgħid li saret l-awtopsja nhar il-11 t’April, 2018 li wriet li kawża tal-mewt kienet multiple injuries due to MVA.

Dwar il-kameras f’dawk l-inħawi, is-Supretendent Fenech qal li JB Tyres Valletta Road kellu kameras imma qal li kienu fake u l-kameras ta’ Mangion ma ġabux id-dinamika tal-każ.

Kontroversja dwar is-siġra fi Triq Valletta

Dwar il-kontroversja li nħolqot fuq is-siġra fi Triq Valletta, is-Supretendent Fenech qal li tqabbad espert appost biex janalizza s-siġra. Qal li ftit jiem qabel seħħ l-inċident, Malta kienet inħakmet minn riħ qawwi iżda espert qal li jidher li s-siġra ma jidhirx li kienet affetwata.

Spjega li z-zokk li miegħu kien hemm impatt kien oħxon ħafna, bl-espert qal li ma affettwahx ir-riħ iżda li z-zokk iddgħajjef u qal li għandu jiġi mqaċċat. Żied jgħid li z-zokk veru kien naqra ‘l barra imma biex tolqtu trid tgħaddi mħaxken mal-bankina.

Fix-xhieda tiegħu, is-Supretendent kompla jgħid li l-ewwel attentat biex jiġi interrogat ix-xufier kien fl-10 April 2018 fl-għassa taż-Żejtun. Kien akkumpanjat miż-żewġ avukati. Ma kienx fi stat tajjeb biex jiġi investigat fil-fatt l-għada reġa ddaħħal l-isptar għal kura psikjatrika.

Spjega li dwar it-taħriġ, Degabriele kien qal li l-ġodda l-ewwel jibagħtuhom ma’ xufiera aktar ta’ esperjenza mbagħad ifendu għal rashom. Il-kamera abbord id-double decker hija biss għal skop ta’ live filming biex xufier ikun jaf x’qed jiġri fuq. Dwar ir-rotta, kienet is-South route imposta fuqhom minn Transport Malta.

Kompla jgħid li Charles D’Amato reġa’ ġie interrogat wara li psikjatra xehed li qiegħed f’qagħda li jiġi interrogat. Mistoqsi jekk kienx taħt influwenza ta’ xorb jew droga huwa qal li le iżda qal li dakinhar tal-inċident hu ġie ordnat jgħaddi mit-triq Valletta Żurrieq minflok Siġġiewi wara li ċempillu xi ħadd biex jgħaddi minn hemm għax kien hemm inċident. Madankollu, is-Supretendent qal li meta l-pulizija ppruvaw jikkonfermaw mal-persuna l-oħra, dan irribatta li qal ix-xufier u qal li mhux veru.

Is-Supretendent mar mal-iskwadra ta’ kontra d-droga f’Lulju tal-istess sena li seħħ l-inċident. Qal li huwa ta handover lis-Supretendent Josric Mifsud u għadda l-file lill-Assistent Kummissarju.

Jixhed l-ex PS Lambert Zammit kien stazzjonat l-għassa ta’ Birżebbugia

Fix-xhieda tiegħu Lambert Zammit qal li dakinhar tal-inċident kien surġent tal-għassa u li ġie msejjaħ fuq l-inċident biex jagħmel ir-rapport. Spjega li fuq il-post ra double decker maħbuta f’siġra, staqsa għax-xufier ma kienx jidher. Qal li dar l-akkwati u sabu f’barriera ftit ‘il bogħod minn fejn seħħ l-inċident. Qal li ħadtlu d-dettalji u wara mar jieħu d-dettalji tal-passiġġieri li seta’ jieħu.

Intant il-Prosekuzzjoni qalet li m’għandhiex aktar xhieda għal lum bil-kawża ġiet diferita għat-12 ta’ Marzu.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (8): Tnejn mejta u diversi feruti f’ħabta b’double-decker fiż-Żurrieq