Edukazzjoni
X’vantaġġi għandhom it-tfal li jitilgħu bilingwi?

L-esperti lingwistiċi qed jirrakkomandaw li l-ġenituri għandhom jgħinu lill-uliedhom jkunu jafu jitkellmu, jiktbu u jaqraw tajjeb bil-Malti u l-Ingliż, u possibilment lingwi oħrajn billi jidħlu fi djalogi magħhom sa miċ-ċokon.

Dr Lara Ann Vella mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qalet li t-tfal jitgħallmu lingwa jekk iħossu bżonn għaliha, jiġifieri kemm l-iskola u anke fil-familji għandu jkun hemm ambjent fejn it-tfal jgħarfu l-ħtieġa u jitgħalmu l-Malti u l-Ingliż b’mod bilanċjat.

Bosta riċerkaturi sabu li l-multi-lingwiżmu jiġifieri li tkun taf aktar minn lingwa waħda joffri ħafna vantaġġi soċjali, psikoloġiċi u fil-ħajja b’mod ġenerali.

F’dinja fejn hu stmat li qed tintilef lingwa kull ġimagħtejn sa tmiem dan is-seklu, nofs il-lingwi jaf jispiċċaw darba għal dejjem.

Iċ-Chairperon tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Prof Charles Mifsud qal li Malta hi xxurtjata li għandha żewġ lingwi, il-Malti u l-Ingliż, iżda jeħtieġ li dan il-vantaġġ jibqa’ jiġi sostnut billi sa miċ-ċokon il-ġenituri jgħinu lil uliedhom iħaddmu ż-żewġ lingwi b’eżempji prattiċi.

“Iħajjruhom u jinkoraġġuhom jesprimu u jitkellmu magħhom dawk li nsejħulhom ‘meaningful dialogue’ li jisimgħuhom u jħeġġuhom jesprimu biex jitkellmu fuq dak li ġara matul il-ġurnata meta huma qegħdin l-iskola, meta ġew id-dar per eżempju u jekk ħriġt mat-tfal tistaqsihom madwarhom biex jesprimu ruħhom”

Dr Lara Ann Vella li kienet involuta fit-tfassil tal-politika bilingwi fis-snin tal-primarja li bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni pubblika dwarha qalet li l-edukaturi u l-ġenituri għandhom sehem importanti biex irawmu attitudni pożittiva lejn il-lingwi għax dak li jiġri fid-dar jaffettwa dak li jiġri fl-iskola u viċi-versa.

“Ir-riċerka turi li meta t-tfal jkollhom attitudni negattiva lejn lingwa ħa jsibu diffiċli ħafna biex jitgħalmuha fl-iskola jiġifieri aħna nħeġġu lill-ġenituri biex jitkellmu b’mod pożittiv fuq il-lingwi kollha imbagħad hemm rakkomondazzjonijiet fuq l-edukaturi fejn għandhom ukoll irawmu attitudnijiet pożittivi lejn il-lingwi kollha għax daż-żmien mhux biss Malti u l-Ingliż imma nsibu ħafna lingwi fit-tfal u dawn it-tfal kollha għandhom iħossuhom li huma importantifil-klassijiet tagħna”

Intant, fi żmien qasir l-għalliema tas-snin bikrin u tal-primarja se jkollhom f’idejhom glossarju bilingwi ta’ termini matematiċi. Waqt laqgħa mal-grupp ta’ esperti li qed jagħmel ġabra komprensiva ta’ termini matematiċi bil-Malti u bl-Ingliż, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li b’dan il-glossarju, l-ilsien Malti qed jingħata aktar importanza billi jkun infilzat f’suġġetti li fihom normalment jintuża biss l-Ingliż.