Elezzjoni
X’wassal għad-diskrepanza bejn ir-riżultat proviżorju u dak aħħari?

Ir-riżultat proviżorju tal-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda li nħadem fuq kampjuni tal-voti ta falza stikka b’avarija ta’ 9,000 vot minħabba s-sistema ġdida li ntużat għall-ewwel darba minħabba s-sistema elettronika tal-għadd tal-voti. Fl-aħħar elezzjonijiet, il-partiti kienu bassru bi preċizzjoni r-riżultat iżda din id-darba dan ma jidhirx li seħħ. Esperti tas-sistema elettorali qalu li hemm bżonn aġġustament kif il-partiti jiġbru u jinterpretaw il-kampjuni tagħhom.

Is-sistema elettronika tal-għadd tal-voti qassret sew il-proċess tal-għadd tal-voti li ngħalaq f’16-il siegħa waqt li fl-elezzjoni ta’ ħames snin ilu kien ħa kważi erbat ijiem. Madankollu s-sistema tidher li ħolqot sfidi ġodda fl-eżerċizzju li l-partiti jagħmlu biex ikollhom ħjiel tar-riżultat qabel isir l-għadd mill-kummissjoni elettorali. Fil-jum tal-Ħadd, fil-fatt il-Partit Laburista ħareġ b’ċifri li eventwalment ma rriżultawx fi tmiem il-proċess b’varjazzjoni ta’ kważi 9,000 vot.

Il-Kap tal-Uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li l-kampjuni bdew jinħadmu fuq kaxxa sħiħa li jkun fiha l-voti ta’ residenti fl-istess akwata flok fuq kampjuni ta’ 50 vot minn fuq kull kaxxa.

“Għaldaqstant l-ispectrum tal-prediction tiegħi ma tkunx imqassma fuq il-kaxxi kollha imma trid tibda kaxxa kaxxa u tgħid pereżempju meta għandek għaxar kaxxi minn distrett ikollok ċertu livell ta’ accuracy fil-prediction tiegħek” qal is-sur Gatt.

Dan jidher li affettwaw l-interpretazzjoni tar-riżultat indikattiv.

Id-Direttur tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Angelito Sciberras qal li huma ħadmu fuq sistema li kkunsidrat it-tendenza tal-voti tal-kaxxa li minna jkun ittieħed il-kampjun u qal li kellhom stampa aktar viċin tar-riżultat finali.

“Ir-riżultat tagħna mill-ewwel beda jikkonsolida madwar 43,000 u 44,000 vot. Distakk li żamm konsistenti mal-ġurnata kollha li kien differenti minn dak li ġie mxandar tul il-ġurnata kollha, li iżda aħna ma ridniex nikontradixxu b’deċiżjoni konxja għax ma ridniex fl-ebda ħin noħolqu kontroversja jew dibattitu dwar liema riżultat kien it-tajjeb” qal is-sur Sciberras.

Ir-riżultat uffiċjali kien ikun magħruf aktar kmieni kieku l-voti bdew jiġu skenjati mill-ewwel flok ma ntwerew vot vot lill-aġenti tal-partiti biex jagħmlu l-istimi tagħhom tar-riżultat proviżorju.

“Mingħajr dak il-proċess kieku tavvanza sitt sigħat żgur għaliex flok inti tiċċekja b’mod manwali imbaħhad jaħdem l-iscanner” qal is-sur Gatt.

Min-naħa l-oħra, is-sur Sciberras qal li l-proċess ħa aktar fit-tul minħabba l-aġġudikazzjoni ta’ madwar 30,000 vot dubjuż. “Ma kienx daqstant il-proċess tal-wiri tal-voti li tellef il-ħin għaliex fil-fatt, il-proċess tal-iscanning u allura l-proċess tal-iscanning kien diġà għadda. Spiċċa ħafna qabel mal-adġudikaturi rnexxielhom ilestu x-xogħol u allura naħseb li l-ammont ta’ adġudikaturi f’ħin wieħed huwa baxx wisq.”

Is-sur Gatt qal li fl-elezzjonijiet li jmiss il-Kummisjoni Elettorali għandha żżid l-iscreens u tkompli tipperfezzjona dal-proċess bl-akbar trasparenza għall-kandidati u l-aġenti biex jaraw il-voti li jkunu kisbu f’kull stadju.