Kultura
X’wirt arkitettoniku ħallew ir-Rumani f’Malta?

Ir-Rumani ħallew ħafna fdalijiet importanti warajhom, fosthom arkitettura partikolari li kienet issir mhux għall-element estetiku tagħha, iżda anke għall-użu prattiku. L-Awtur u studju David Cardona ġabar fi ktieb wieħed l-arkitettura li ħallew warajhom ir-Rumani matul iż-żminijiet.

Il-pubblikazzjoni Roman Architecture in Malta mliet vojt fl-istudju tal-arkitettura Rumana, għax minbarra li fiha informazzjoni dwar għadd ta’ siti Rumani, tiżvela wkoll it-tifsira li għandha d-dekorazzjoni tal-arkitettura Rumana biex il-qarrej jifhem kif kienet titmexxa dar Rumana.

“L-iktar parti importanti hija l-volum ta’ informazzjoni li għandna, fil-verità hawn dejjem jissemmew is-siti prinċipali; it-Domus Romana, il-Villa ta’ San Pawl Milqi, ta’ Kaċċatura, però l-arkitettura Rumana tmur lil hinn, hemm numru kbir ta’ siti, ħafna minnhom illum m’għadhomx jeżistu, però huma importanti wkoll, u li qed nagħmlu f’dan il-ktieb, qed induru dawra ma’ dawn is-siti u x’għandna minnhom illum li nistgħu nistudjaw,” qal David Cardona.

Is-Sur Cardona qal li dan il-ktieb ħa kwazi disa’ snin biex jitlesta minħabba li beda b’riċerka għal Masters fl-Università ta’ Malta sakemm baqa’ jiżviluppa f’pubblikazzjoni.

“Il-ktieb li jismu Roman Architecture in Malta huwa pubblikazzjoni intiża letteralment għall-pubbliku inġenerali; wieħed m’għandux għalfejn ikun arkeologu jew perit biex jaqrah, però hija intiża biex in-nies jifhmu aktar x’inhi l-arkitettrua Rumana u għalxiex hija importanti.”

Din il-pubblikazzjoni hija waħda minn sensiela li Heritage Malta ppubblikat biex tagħti spinta lir-riċerka arkeoloġika, bir-ritratti u d-disinn tħallew f’idejn Daniel Cilia.