Feriment f’Ħal Tarxien: Yana Mintoff u binha jindarbu ħafif – Rumen jindarab gravi

Rumen ta’ 39 sena jinsab fil-periklu tal-mewt bi ġrieħi gravi wara argument li nqala’ tard ilbieraħ filgħaxija li fih indarbu b’daqqiet ta’ sikkina Yana Mintoff u binha Daniel. Il-każ ġara fid-dar ta’ Yana Mintoff f’Ħal Tarxien fil-preżenza ta’ mill-anqas tliet persuni oħra, żewġt irġiel u mara.

Il-Pulizija għadha qed tipprova tistabilixxi l-fatti kollha fuq il-feriment ta’ Yana Mintoff li għandha 65 sena, binha Daniel Mainwaring ta’ 32 sena u r-Rumen Gheorghe Popa ta’ 39 sena, li jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva issielet għal ħajtu. Yana u binha Daniel ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief b’sikkina.

tvm.com.mt segwa mill-viċin dak illi seħħ matul il-lejl fi Triq it-Tarzna, f’Ħal Tarxien. Minn informazzjoni li tvm.com.mt ġabar minn fuq il-post jidher li Yana Mintoff kienet fil-kumpanija tar-Rumen u erba’ persuni oħra. Jidher li ftit wara l-10.00 ta’ bil-lejl qam argument li fih allegatament Gheroghe Popa fera lil Yana Mintoff b’daqqa ta’ sikkina f’sidirha u lil binha b’daqqiet f’koxxtu meta huwa maħsub li mar iferraqhom.

Yana u Daniel ittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid mill-persuni li kienu magħhom fid-dar, u wara ttieħdu l-isptar Mater Dei, filwaqt li l-Pulizija ġiet infurmata miċ-ċentru tas-saħħa b’dan il-feriment.

Meta l-Pulizija tar-Rapid Intervent Unit marru fid-dar ta’ Mintoff sabu li d-dar kienet qed taqbad u kellhom rapport li r-Rumen kien għadu ġewwa. Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew ħidma biex jikkontrollaw in-nirien. Kien f’dan il-mument li nnutaw li fuq siġra kbira li hemm quddiem id-dar kien hemm mistoħbi r-Rumen u li kien żaqqu barra u mimli dmijja.

Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili niżżluh mis-siġra wara operazzjoni li ħadet aktar minn sagħtejn. Huwa beda jiġi mdewwi fuq il-post u l-kundizzjoni tiegħu xejn ma dehret tajba. Ir-Rumen ittieħed l-isptar b’diversi ġrieħi f’sidru u qaddu u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Is-sikkina li allegament intużat f’dan il-każ instabet fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann Farrugia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.