Lokali
Zach Meli nqatel wara argument li allegatament qam minħabba li laqat tfajla

Daqqa ta’ ħarta kiefra għall-familja ta’ żagħżugħ li lbieraħ ħareġ għal-lejl ta’ divertiment f’Paceville, u ma daħalx lura d-dar. Zach Meli ta’ 24 sena mis-Swieqi kmieni dalgħodu kien il-vittma f’argument sfortunat li nqala’ fit-taraġ ta’ Paceville, kif inhi magħrufa din it-triq tant popolari maż-żgħażagħ li jiffrekwentaw din il-mekka ta’ divertiment. Miżmum mill-pulizija żagħżugħ Bulgaru ta’ 19-il sena, li mistenni jitressaq il-qorti akkużat bil-qtil ta’ Zach Meli.

Il-pulizija qed iżżomm arrestat lil Denis Davkov, żagħżugħ Bulgaru ta’ 19-il sena li joqgħod Tas-Sliema, b’rabta mal-mewt ta’ Zach Meli, li kellu 24 sena mis-Swieqi. Meli miet waqt argument li seħħ kmieni l-Ħadd filgħodu f’Paceville.

Minn tagħrif li kiseb TVM, Zach Meli tilef ħajtu x’aktarx minħabba emororġija interna kawża tad-daqqa ta’ ponn li qala’ mingħand iż-żagħżugħ Bulgaru. Din trid tiġi kkonfermata mill-awtopsja li se ssir fil-ħin li ġej.

Kollox jindika li l-Pulizija qed tqis dan il-każ bħala qtil. Kollox beda waqt argument li seħħ għall-ħabta tas-6.30am fi Triq Santu Wistin, fit-tarf tat-taraġ ta’ Triq Santa Rita, li jagħti għall-mekka tad-divertiment f’Paċeville.

Mill-istħarriġ li sar mill-Pulizija jirriżulta li ftit minuti qabel, il-vittma, waqt li kien nieżel it-taraġ laqat tfajla Maltija, li kienet fil-kumpanija ta’ żewġ ġuvintur, Malti u ma’ Denis Davkov. Kien hawn li qam l-argument, b’Davkov, allegatament qabad u dar fuq Meli u tah daqqa ta’ ponn f’nofs moħħu.

L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu l-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan fejn sabu liż-żagħżugħ mitluf minn sensih fuq il-bankina. Fuq il-post issejħet l-assistenza medika, b’Meli jittieħed l-Isptar Mater Dei, iżda huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit ħin biss wara.

Il-Pulizija qalet fi stqarrija li ġabret xi barranin biex tkellimhom dwar dan il-każ. TVM huwa infurmat li l-Pulizija żammew arrestat lil Denis Davkov, li mistenni jitressaq il-Qorti t-Tnejn. Il-Pulizija saħħew l-investigazzjonijiet tagħhom permezz ta’ filmati ta’ cctv cameras li hemm fl-istess post li qabdu dak kollu li ġara.

Nhar il-Ġimgħa, fuq Facebook, Zach Meli ħalla messaġġ li fih hemm miktub li qed ngħixu għal żmien qasir u irid igawdi (“We are only here briefly and in this moment I want to allow myself joy”).

Il-firda minn ma ħuha esprimietha oħt Zach, Leonie, li f’messaġġ fuq Facebook qalet li se tibqa’ tiġġieled sal-aħħar biex issir ġustizzja għall-mewt ta’ ħuha ż-żgħir.

L-investigazzjoni dwar danil-każ qed jitmexxew mill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia u l-Ispettur Kurt Zahra mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Ispettur Matthew Spagnol tad-Distrett. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tmexxi inkjesta.

Ara wkoll:

Żagħżugħ nqatel b’daqqa ta’ponn

Zack Meli ż-żagħżugħ li nqatel b’daqqa ta’ponn

Denis Davkov iż-żagħżugħ arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Zack Meli

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-istorja ta’ Cinderella se tkun il-qofol tal-opra mill-pinna tal-kompozitur Malti tas-seklu dsatax Nicolo Isouard, li se tittella’ fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla fit-Teatru Manoel. Din se tkun it-tielet opra fil-programm ta’…

Lokali

Għall-ħabta ta’ nofsinhar, l-Imsaġar tal-Aħrax inbelgħu min-nirien, fl-istess post fejn kien qabad daqs xahar ilu. Fin-nirien tal-lum, jidher li ġew meqruda ammont konsiderevoli ta’ siġar tal-Prinjol li għandhom ‘il fuq…

Lokali

Malta kisbet punti tajbin fl-iscoreboard dwar l-innovazzjoni fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li ġie pubblikat illum fi Brussell. F’rapport ta’ aktar minn mitt paġna li janalizza diversi aspetti tal-innovazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni…

Lokali

Ġie inawgurat ir-restawr tal-Bieb ta’ Hompesch. Ir-restawr sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura u Gvern Lokali. Il-Bieb ta’ Hompesch inbena fl-1801 fuq ix-xewqa taż-Żabbarin ad unur il-Gran Mastru Hompesch,…

Aktar