Lokali
“Kienet bravata f’jum il-birthday” – id-difiża dwar iż-żagħżugħ li seraq armi li jiswew l-eluf

Brandon Savona ta’ 21 sena li jgħix Ħal Tarxien ammetta li seraq bosta armi li jiswew eluf ta’ ewro. Iż-żagħżugħ, li qal li ma jaħdimx, kien akkużat li għamel ħsara fuq il-bieb tal-garaxx u li żamm għandu ħwejjeġ misruqa.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Lenox Vella qalet li ż-żagħżugħ għamel bravata ta’ darba f’jum il-birthday. Kompliet tgħid li t-tifel għandu bżonn ftit gwida u li din kienet l-ewwel darba li seraq. Qal li l-ġenituri tiegħu se jmutu bl-inkwiet u li lest jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret ta’ €70.

Huwa tressaq il-Qorti wara li f’anqas minn 24 siegħa, il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali arrestat liż-żagħżugħ dwar serqa ta’ bosta armi li jiswew eluf ta’ ewro. Il-każ seħħ il-Ħadd, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’maħżen fi Triq il-Merħba, il-Fgura. Mal-wasla tagħhom fuq il-post, irriżulta li bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, xi ħadd mhux magħruf sgassa l-bieb tal-maħżen u minn ġo fih insterqu ammont ta’ armi tal-airsoft, munizzjoni tal-istess armi u affarijiet oħra relatati, li jiswew eluf ta’ ewro.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija identifikat l-allegat ħalliel u r-raġel ġie arrestat ilbieraħ filgħodu mir-residenza tiegħu, fejn fid-dar instabu wkoll l-oġġetti misruqa.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ikkundannatu għal 3 snin ta’ probation u jħallas lil vittma €70 fi żmien sebat ijiem u l-ispejjeż tal-inkjesta. Ġie mwissi li dan l-att se jidher fuq il-fedina penali tiegħu. Wissietu li għandu jagħmel dak li jgħidlu l-probation officer u li jekk jiżgarra jista’ jeħel il-ħabs.