Lokali
Żagħżugħ jinqabad bil-kokaina fiż-żarbun waqt roadblock fl-Imsida

Ryan Falzon ta’ 22 sena minn Ħal Qormi ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kien fil-pussess ta’ droga kokaina u li kiser il-kundizzjonijiet marbuta ma’ ħelsien mill-arrest li ngħata b’rabta ma’ każ separat.

Il-każ seħħ is-Sibt li għadda fl-Imsida meta Falzon instab bi droga kokaina fiż-żarbun waqt roadblock f’ħin li suppost kellu jkun id-dar.

L-Ispettur Jonathan Ransley qal li l-akkużat ikkopera mill-ewwel mal-pulizija u d-droga kienet għall-użu personali tiegħu.

Fil-qorti l-Avukat Franco Debono għamel referenza għall-bidliet leġislattivi li tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra li jagħtu diskrezzjoni lill-qorti meta tiġi biex tiddeċiedi dwar ksur ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest. Kien għalhekk li ż-żagħżugħ wieġeb ħati mill-ewwel tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li l-piena idonea f’dan il-każ għandha tkun probation.

Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriela Vella laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €1,000. Hija ordnat ukoll lil Falzon jiffirma kuljum fl-Għassa ta’ Ħal Qormi u li jkun id-dar bejn nofsillejl u t-tmienja ta’ filgħodu.