Lokali
FILMAT: Żammejna għal ftit ieħor l-isports ta’ kuntatt fost it-tfal biex inħarsu l-edukazzjoni tagħhom – il-Prof. Gauci

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa li għalissa ma jippermettux contact sports fost tfal taħt is-17-il sena ttieħdet bil-għan li titħares l-edukazzjoni tat-tfal fl-iskejjel.

Qalet l-awtoritajiet tas-saħħa assessjaw sew is-sitwazzjoni u qalet li hemm riskju akbar ta’ tixrid tal-virus meta jkun hemm sports fejn isir kuntatt bejn l-atleti.

Il-Prof. Gauci qalet li wasalna fi żmien meta t-tfal se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet u f’każ li jfeġġ każ pożittiv fi klassi, l-istudenti kollha jispiċċaw fi kwarantina. Dan bil-konsegwenza li jkollok tfal li ma jkunux jistgħu jagħmlu l-eżamijiet.

Għaldaqstanta qalet li ħassew li jkun għaqli li t-tfal jibqgħu jagħmlu sports fejn m’hemmx kuntatt biex inżommuhom attivi, iżda qalet li għalissa fejn hemm sports ta’ kuntatt jinżamm għal ftit ieħor biex titħares l-edukazzjoni tat-tfal.