Lokali
Zammit Lewis ma jistax jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Edward Zammit Lewis ma jistax jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika għax kien f’konfoffa man-negozjant Yorgen Fenech li wara rriżulta li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius, qal li Dr Zammit Lewis għandu jirreżenja minn Ministru tal-Ġustizzja, u jekk ma jagħmilx hekk, il-Prim Ministru għandu jkeċċih mill-kariga. Dr Agius argumenta li bħala Ministru tal-Ġustizzja Dr Zammit Lewis ma jistax ikun kredibbli biex ma jippermettix li jsiru reati minħabba l-qrubija li kellu mas-Sur Fenech.

Id-Deputat Nazzjonalista, Karol Aquilina, irrefera għar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta fosthom li jkun meqjus reat meta persuna f’kariga pubblika tabbuża mill-pożizzjoni tagħha u meta persuna toħloq traċċi ta’ reat ieħor biex twarrab is-suspetti minn fuqha, u qal li dawn ir-reati għandhom jidħlu fis-seħħ minnufih.

Il-President għar-Riċerka Politika, Martina Caruana, qalet li l-Parlament għandu jitlaqqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-mozzjoni ta’ sfiduċja li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ Dr Zammit Lewis. Dr Caruana argumentat li Malta ma taffordjax li jkollha Ministru tal-Ġustizzja li jagħti eżempju ta’ governanza ħażina.

Dwar jekk għandhiex tittieħed azzjoni kontra żewġ Deputati Nazzjonalisti li ltaqgħu ma’ Yorgen Fenech wara li sar magħuf li hu s-sid tal-kumpanija 17 black, Dr Agius qal li għandha ssir distinzjoni bejn politiċi b’setgħat eżekuttivi u politiċi li jżommu kuntatt mas-setturi kollha fis-soċjetà. Wera l-fehma li dawn il-każi m’għandhomx jitpoġġew fl-istess keffa.