Lokali
Żbarazzati l-istalel fil-Marsa li fihom instabu l-immigranti

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37 immigranti li ttieħdu d-depot waqt l-azzjoni tal-infurzar inħelsu kollha għax kellhom il-permess ta’ residenza. Anke l-mara Maltija li allegament kienet involuta f’ċirku ta’ prostituzzjoni nħelset.

L-għada tal-operazzjoni tal-infurzar fl-istallel tal-Marsa li kienu nbidlu illegalment bħala residenzi għall-immigranti, il-postijiet baqgħu battala waqt li s-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istalel minn saqqijiet u oġġetti oħra biex l-istalel jerġgħu jservu ta’ stalel għal bhejjem u mhux għan-nies.

Sigħat wara li saret l-operazzjoni min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar is-sidien tal-post, kif jidher diġà bdew inaddfu l-postijiet kif kienu ordnati. Freezers, cookers u anke f’dawn lis-skips, saqqijiet li fuqhom kienu jorqdu dawn l-immigranti.

Għalkemm għadu mhux magħruf jekk hux se jittieħdu passi kontra s-sidien tal-istalel, sorsi li tkellmu ma’ TVM qalu li l-Pulizija jieħdu passi biss jekk is-sidien ma jħallsux multi jew ma jirregolarizzawx ruħhom skont iż-żmien mogħti mill-Awtorità tal-Ippjanar.

TVM jinsab infurmat li 37 persuni li ttieħdu d-Depot wara l-operazzjoni ta’ infurzar inħelsu kollha. Dan wara li l-uffiċjali tal-Immigrazzjoni kkonfermaw li kollha kellhom il-permessi tar-residenza valida. Nifhmu li anke l-mara Maltija li kienet fuq il-post u allegatament kienet involuta f’ċirku ta’ prostituzzjoni nħelset mill-pulizija.

Il-‘kmamar’ fejn kien jieklu u jorqdu l-immigranti ġew deskritti bħala inumani. Fi spazju ta’ 20 metru kwadru, kienu qed joqogħdu medja ta’ 12-il persuna.

Għas-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, is-sitwazzjoni f’dan is-sit mhix aċċettabbli. “Hija inkwetanti li tara bniedem jew bnedmin jgħixu ġo stalla li hija mgħammra għaż-żwiemel imma fl-istess ħin issib nies li qed jgħixu. Ejja ngħiduha kif inhi, fil-faqar. Nixtieq nappella lil NGO’s, dan ilu għaddej snin twal u ilna nisħqu fuq dan il-punt, dan mhux mod kif bniedm jgħix, din mhux dinjità”.

Sadanittant, is-Sindku ilmenta li l-iskart goff li inħareg mill-istalel fl-aħħar 24 siegħa ser ikollu jinġarr bi spiża għall-kunsill.

Josef Azzopardi qal “wara l-eviction notices, aħna rajna kif mill-ewwel beda jiżdied l-iskart f’dawk l-inħawi. Bdejna naraw li qed jiżdiedu s-sodod, saqqijiet li qed jintremew bl-addoċċ f’dik iż-żona u dan mhux aċċettabbli. Fl-istess ħin qed nispiċċaw inaddfu dak li qed jitfghu xi sidien u dan mhux ġust fuqna”.

Dan kien it-tieni każ fl-aħħar snin li nstabu immigranti jgħixu f’kundizzjonijiet inumani f’postijiet maħsuba għall-bhejjem u mhux għan-nies.

Ara wkoll:

Kamra “għas-sess” fil-kumpless ta’ stalel fejn kienu jgħixu l-immigranti

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

F’rapport li jsir kull ħames snin dwar l-istat tal-ambjent fil-pajjizi Ewropej jghid li jeħtieġ soluzzjonijiet fundamentali fl-għaxar snin li ġejjin biex jiġi evitat tibdil fil-klima li iwassal għall-temperaturi għoljin estremi….

Kisbiet

L-atti notarili tan-nutar Paolo Bonello li għex fis-seklu ħmistax, servew ta’ punt ta’ tluq għal sistema bbażata fuq intelliġenza artifiċjali msejħa Notary Pedia. L-istudenta tal-Masters fl-intelliġenza artifiċjali fl-Università ta’ Malta…

Annimali

Jingħad li l-kelb huwa l-aqwa ħabib li l-bniedem jista’ jkollu iżda għal persuni neqsin mid-dawl, bil-kundizzjoni tal-awtiżmu jew diabete kelb jaf ikun bastun tad-demm u l-laħam. Aktar kmieni din il-ġimgħa…

Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum. Fi stqarrija l-IĠM qal li ġie infurmat li ġurnalista għamlet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet ittra ta’…

Aktar