Lokali
Żbroff tad-drenagg għand il-ġara swietu iktar minn €1,000

Bidwi mill-Kalkara ġie ordnat iħallas is-somma ta’ €1,050 lill-werrieta ta’ mara li kienet tgħix biswit razzett tal-ħnieżer wara żbroff tad-drenaġġ li kkawża xi ħsarat fid-dar tagħha.

It-tliet ulied tal-mara, Grezzju u Joseph Meilak, kif ukoll Carmen Beach, fetħu kawża fil-Qorti Ċivili fil-konfront ta’ George Attard u Joseph Attard.  Dan wara li f’April ta’ 3 snin ilu kien żbroffa d-drenaġġ tar-razzett in kwistjoni, bil-konsegwenza li saru xi ħsarat fir-residenza tal-ġara.

Fil-Qorti ħareġ li huwa George biss li jopera r-razzett, filwaqt li Joseph joqgħod fuq ir-razzett.  Jirriżulta li l-każ seħħ ftit wara li mietet omm it-tliet aħwa li fetħu l-kawża meta Grezzju mar biex jiġbor xi affarijiet u x’ħin daħal il-post sabu mimli drenaġġ li ħareġ mit-toilet tad-dar għal ġol-kċina.

Meta Grezzju kellem lil George u qallu bil-ħsarat li sab fid-dar t’ommu, għall-ewwel sid ir-razzett offrielu li jiżvojtalu bil-bowsers tiegħu m’għola filata ta’ ilma li kien hemm fid-dar tal-ġara.  Iżda wara li Grezzju qallu li xtaqu jħallas €700 tal-ħsarat li kien hemm fil-post, George ħasibha darbtejn u ddeċieda li ma jħallsux.

Mix-xhieda ħareġ li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet infurmat lil George li ma kellux drenaġġ adegwat għar-razzett u u ħeġġitu japplika mal-PA biex jibni fossa biex jirregolarizza ruħu.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale ordna lill-bidwi biex iħallas is-somma ta’ €1,040 u mhux it-talba oriġinali tar-rikorrenti ta’ €4,263.34 skont l-istima ikkalkulata mill-Perit Joseph Attard għax ħass li s-somma ma kinitx tirrifletti l-veru ħsarat biex ġew irranġati fid-dar.

Il-Qorti ħelset ukoll lil Joseph Attard milli jħallas xi spejjeż tal-kawża minħabba li rriżulta li ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ.