Vjolenza domestika
Żdiedu l-ġenituri li jirrapportaw vjolenza domestika minn uliedhom

It-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika fil-Korp tal-Pulizija qed tirċievi medja ta’ ħames rapporti kuljum. Iżda fi kliem l-Ispettur Eman Hayman, it-taqsima qed tinnota tendenzi ġodda, fosthom aktar ġenituri li jersqu quddiem il-Korp b’rapporti ta’ vjolenza domestika minn uliedhom stess.

Fi tmien xhur iċ-ċifri ftit li xejn inbidlu, kien Jannar meta TVM żvela kif fl-ewwel tliet xhur mit-twaqqif tagħha, it-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika fil-Korp tal-Pulizija irċiviet medja ta’ ħames rapporti kuljum. Mill-ewwel tas-sena sal-31 t’ Awwissu li għadda tressqu l-Qorti aktar minn elf ruħ akkużati bi vjolenza domestika. Minn dawn 264 kienu nisa u 821 kienu rġiel.

F’kummenti maċ-ċentru tal-aħbarijiet, l-Ispettur Eman Hayman, li jmexxi din it-taqsima wera l-fehma li għalkemm iċ-ċifri baqgħu fl-istess ilma, ħames rapporti kuljum huma ta’ tħassib. Stqarr iżda li l-funzjoni ta’ din it-taqsima qed tagħti kuraġġ lil aktar vittmi jersqu lejn il-Pulizija b’rapporti ta’ vjolenza domestika.

“In-nies huma aktar konxji mis-servizz u mill-bżonn li tagħmel ir-rapport; qiegħda tiżdied it-tendenza li l-vittmi jieħdu dak il-parir legali.
L-Ispettur żied jgħid li l-Pulizija qed tinnota tendenzi ġodda.”

Żied jgħid li l-Pulizija qed jinnotaw tendenzi ġodda fir-rapporti li jirċievu. “Lil hinn minn vjolenza domestika fiż-żwieġ jew sħubija, hemm realtajiet oħra; tfal mal-ġenituri tagħhom, apparti li kellna każijiet ta’ tfal minnorenni, għandna tfal li saru adulti, lejn l-aħħar tal-għoxrinijiet u l-bidu tat-tletinijiet, ikollhom problema ta’ droga u tkun ir-rovina… ikunu qed jgħixu mal-ġenituri u proprju jibda abbuż emmozzjonali u fiżiku lejn il-ġenituri.”

Mistoqsi x’jiġri mill-proċeduri legali ġaladarba l-vittma taħfer lill-agressur, l-Ispettur Hayman spjega li f’dak il-każ il-Qorti tiddeċidi jekk il-każ ikomplix jew le, ladarba x-xhud ewlieni fil-każ huwa l-vittma. Jekk il-każ jaqa’ huwa spjega li l-Pulizija jkollha tirtira l-protezzjoni u apparti minn hekk ma tistax terġa’ tressaq lill-agressur fuq ir-rapport li jkun sar.

F’dan l-isfond semma ċ-ċiklu vjolenti tal-maħfra, u l-abbuż bil-vjolenza dejjem jeskala u jaggrava.