Lokali
Żdiedu l-gradwati u naqsu dawk li jitilqu kmieni mill-iskola

Ekonomisti li ħadmu fuq studju dwar l-inugwaljanza fid-dħul fis-snin bejn l-2005 u l-2018 qalu li jirriżulta li ma kienx hemm żidiet kbar fl-inugwaljanza. L-istudju sar miċ-Ċentru tal-Istudji dwar ix-Xogħol à’ ta’ Malta f’konferenza bit-tema Inkejlu u Nifhmu d-Dinamika tal-Inugwaljanza f’Malta.

Studju juri li bejn l-2005 u l-2018 ma kienx hemm żidiet kbar fl-inugwaljanzi fid-dħul ta’ dawk residenti f’Malta, iżda fi kliem l-ekonomisti li għamlu l-istudju, kien hemm tibdil sottili li ġie primarjament mill-bidla demografika u l-istatus soċjo ekonomiku tan-nies.

L-istudju kien ikkummissjonat miċ-Ċentru tal-Istudji dwar ix-Xogħol fl-Universita’ ta’ Malta.

Dan juri fost l-oħrajn kif tul tlettax-il sena, żdied il-livell t’edukazzjoni tal-membru tal-familja li l-iżjed li għandu dħul, u għalhekk jirriżulta li l-livell ogħla ta’ edukazzjoni wassal għal pagi ogħla u xogħolijiet aħjar.

Matul l-istess snin żdiedu wkoll il-gradwati u naqsu dawk li jitilqu kmieni mill-iskola.

L-istudju taċ-Ċentru tal-Istudji dwar ix-Xogħol wera li l-interventi tal-Gvern b’inċentivi soċjali għenu ftit biex tonqos l-inugwaljanza fid-dħul.

L-istudju taċ-Ċentru tal-Istudji dwar ix-Xogħol sar mill-ekonomisti Melchior Vella u Gilmour Camilleri u ġie ippreżentat waqt konferenza online. L-ekonomisti qalu li diversi fatturi waslu għat-tibdil fix-xejriet tal-inugwaljanza fid-dħul. Qalu li t-tibdil demografiku fil-popolazzjoni f’Malta seta’ kien wieħed mill-fatturi sinifikanti li jwasslu għal dan it-tibdil. Id-differenzi fid-dħul bejn is-sessi u t-tip ta’ xogħol ukoll setgħu waslu għall-inugwaljanza fid-dħul bejn nies differenti.

L-istudju janalizza statistika u informazzjoni miġbura bejn l-2005 u l-2018 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.