Qorti
Żewġ aħwa akkużati bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Żewġ aħwa Bormiliżi ta’ 31 u 34 sena li qed jaffaċċjaw akkużi ta’ pussess u t-traffikar tad-droga kokaina u kannabis u ta’ ħasil ta’ flus ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Joseph Brignone ta’ 31 sena u oħtu Annalise ta’ 34 sena kienu arrestati fi Triq il-Kottonera f’Bormal, f’April li għadda wara ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Pulizija tal-Iskwadra tad-Droga.

Minn tfittxija li kienet saret fuq Joseph Brignone nstabu madwar €2,600 fi flus kontanti, arma tan-nar semi-awtomatika u li kien fiha żewġ balal, u żewġ qratas suspettati droga ta’ lewn aħdar u abjad rispettivament.

Mir-residenza ta’ oħtu Analise il-pulizija kienet sabet diversi sustanzi suspettati drogi, pistola, xfafar, affarijiet relatati ma’ droga, droga moħbija fis-saqajn tas-sodda u aktar minn  €11,000 f’safe wara mera.

Filwaqt li kompla għaddej il-każ kontra ż-żewġ aħwa, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, laqgħet talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €30,000 kull wieħed.

L-aħwa kienu ordnati wkoll biex jiffirmaw l-għassa kuljum. Joseph Brignone ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €7,000, filwaqt li oħtu Annalise, ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000.

Ara wkoll:

Il-Pulizija sabu droga moħbija fis-saqajn tas-sodda u aktar minn €11,000 f’safe wara l-mera

ARA: Il-Pulizija tinvestiga sparatura b’pistola minn karozza

Żewġ aħwa jinżammu taħt arrest akkużati bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus