Qorti
Żewġ aħwa jinżammu taħt arrest akkużati bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus

Żewġ aħwa ta’ 31 u 34 sena qed jaffaċċjaw akkużi ta’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus wara ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Pulizija tal-Iskwadra tad-Droga; u f’operazzjoni oħra, żagħżugħ ta’ 24 sena nqabad bi droga kokaina u ammont ta’ flus kontanti.

L-aħwa Bormliżi Joseph u Annalise Brignone ġew akkużati b’pussess aggravat u traffikar ta’ żewġ kilo droga sintetika, kilo cannabis, ammont ta’ droga cannabis u b’ħasil ta’ flus.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, semgħet kif is-sejba saret wara operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga li fiha ġie l-arrest ta’ Joseph Brignone fi Triq il-Kottonera, f’Bormla nhar is-Sibt filgħaxja. Iż-żagħżugħ ġie akkużat ukoll li kien fil-pussess ta’ armi tan-nar mingħajr permess.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal li fi tfittxija li saret fir-residenza ta’ Annalise Brignone li tigi oħt l-imputat, instab ammont ieħor ta’ droga cannabis, kokaina u droga sintetika. L-aħwa ġew akkużati li kkommettew ir-reati viċin ta’ żewġ skejjel.

Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, talbet għall-ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ intraċċ tal-provi. Il-qorti ma laqgħetx it-talba u l-aħwa Brignone nżammu arrestati.

Ara wkoll:

Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ droga