Żewġ balal jistgħu ikunu kruċjali fl-investigazzjonijiet

Jissoktaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mas-sitt delitt tas-sena. tvm.com.mt hu infurmat li f’dan il-każ se tkun qed tilgħab rwol importanti x-xjenza forensika hekk kif mill-20 tir li ġew sparati, il-Pulizija irnexxielha televa tnejn li se jkunu qed jiġu kkomparati ma’ balal li ġew elevati minn xeni oħra ta’ qtil li seħħew fl-aħħar xhur. Il-Pulizija għadha qed tfittex il-vettura li ntużat fid-delitt ta’ Jonathan Pace, li ukoll hija simili għal dik li intużat fil-qtil tal-Marsa fi Frar li għadda.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar id-delitt ta’ Jonathan Pace ta’ 31 sena li nqatel il-Ħamis komplew jintensifikaw fl-aħħar sigħat għalkemm s’issa ma hemm ebda ħjiel li l-pulizija waslet viċin li ssolvi dan id-delitt li mil-bidunett deher li ser ikun wiehed difficli għal pulizija minħabba d-diversi kontijiet li l-vittma seta’ kellu ma’ diversi persuni fin-negozju u oħrajn.

Minn stħarriġ li kompla jagħmel tvm.com.mt, il-pulizija qiegħda tittama li żewġ balal, mill-20 li ġew sparati fil-qtil fi Triq Mahatma Gandhi fil-Fgura jistgħu jitfgħu ftit dawl anke fuq omicidji oħrajn li saru fl-aħħar xhur. Minn tagħrif li kiseb tvm.com.mt jirriżulta li l-maġġoranza tal-balal sparati, għalkemm ġew elevati, ma’ setgħux jiġu ppresrvati. Iżda nifhmu l-esperti forensiċi rnexxilhom jelevaw żewġ balal, waħda mill-appartament ta’ Pace u oħra mil-koxxa tal-lemin ta’ Pace li jistgħu jgħinu biex tkun identifikata l-arma li intużat f’dan u possibilment f’omiċidji oħra.

L-għada tad-delitt, tvm.com.mt żvela li l-arma użata fil-qtil eks-propjetarju ta’ Tyson Butcher hi rifle AK ta’ kalibru ta’ 7.62 mm. Din l-arma hija tal-istess kalibru li ntużat fil-qtil ta’ Giuseppe Cutajar minn Bormla, magħruf bhala “il-Lion” li nqatel fil-Mosta f’Dicembru tal-2012, u ta’ Joe Galea magħruf bħala “il-Ġilda” li nqatel fil-Marsa fi Frar li għadda. L-eżami fuq il-balal jista’ jindika jekk f’dawn id-delitti intużat l-istess arma.

Tlett ijiem wara l-qtil ta’ Pace, l-vettura li ntużat fil-qtil għadha ma nstabitx u mhux eskluż li hija simili li ntużat fil-qtil tal-‘Ġilda’ li ukoll baqgħet nstabitx. Il-Pulizija mhix teskludi li fil-każ kienu involuti iktar minn persuna waħda. Nifhmu li matul l-aħħar sigħat, il-Pulizija kompliet tinterroga u tibgħat għal aktar persuni sabiex ikun stabbilit l-aħħar kuntatti Pace kellu qabel inqatel. Il-Pulizija temmen li min qatlu kien segwa sew il-passi tiegħu u kien jaf li kien joħrog fil-gallarija.

Il-kadavru ta’ Jonathan Pace għadu ma ġiex irrilaxxat għad-difna mill-Maġistrat imkwirenti u għadu qed jinżamm fil-kamra mortwarja fejn għad hemm ukoll il-katavru ta’ Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru. Huwa kien inqatel fis-17 ta Lulju tas-sena l-oħra u indifen 3 ijiem wara. Iżda tlett ijiem wara, l-kadavru reġa’ nqala mill-qabar fuq ordni tal-Maġistrat biex ikunu jistgħu jsiru aktar eżamijiet forensiċi dwar iċ-ċirkustanzi tal-mewt tiegħu.