Infrastruttura
Żewġ barrieri minn 16 qed jilqgħu l-iskart tal-kostruzzjoni

Wara l-ftehim milħuq bejn il-Gvern u s-sidien tal-barrieri fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, telgħu għal tnejn il-barrieri li qed jilqgħu skart tal-kostruzzjoni. Dan ikkonfermah il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti meta kien intervistat waqt il-programm Ras imb ras.

Is-Sur Chetcuti qal li l-prezz ta’ €8 kull tunnellata “huwa tajjeb iżda b’daqshekk ma solvejna xejn… irridu naħdmu aktar biex indaħħlu aktar barrieri u fiduċjuż li fil-ġimgħat li ġejjin jekk naħdmu jista’ jkun hemm 2 jew 3 barrieri oħra li jibdew jirċievu l-iskart.” Is-Sur Chetcuti insista li “mhux imbilli ngħidu li hemm 16-il barriera li jistgħu jilqgħu l-iskart… kull barriera għandha l-istorja tagħha.”

Dwar ir-reklamazzjoni tal-art, Sandro Chetcuti qal li l-MDA mhux ħerqana li jsir żvilupp fil-baħar, madanakollu huma ma jsibux oġġezzjoni jekk ir-reklamazzjoni ssir fejn hu ambjentalment aċċettabbli u jekk din issolvi kwistjonijiet bħall-ispazju għar-rimi tal-iskart. “Jistgħu jinħolqu sikek artifiċjali bħala attrazzjonijiet turistiċi, jistgħu jinħolqu proġetti għall-ġid nazzjonali bħal lukandi tat-tip bungalow…. żgur li l-MDA mhux favur li fil-baħar ikun hemm proġetti ta’ bini ta’ appartamenti jew jingħata lok għal spekulazzjoni.”

Dwar l-impatt ambjentali tal-użu tal-iskart tal-kostruzzjoni għar-reklamazzjoni tal-art, is-Sur Chetcuti wieġeb li “kollox iħalli impatt ambjentali, kull fejn tibni, anki jekk tgħaddi triq.”

Mistoqsi dwar xi jkun lest li jaċċetta fil-pjani l-ġodda li l-Gvern mistenni jressaq għall-ftehim mal-Corinthia fuq l-art f’San Ġiljan, is-Sur Chetcuti qal li “l-Gvern bħalissa qed jiddiskuti magħna, qed jara għaliex ħriġna nikkritikaw ċertu issues… ma narax għaliex għandi ndoqq it-trombi u tgħid x’jien niddiskuti mal-Gvern.” Is-Sur Chetcuti qal li l-interess tal-MDA huwa li kull ftehim dwar l-art pubblika jitħares l-interess nazzjonali.

Ras imb ras jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq TVM fis-7:30pm

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Kisbiet

Imwieled Malta u emigra lejn l-Awstralja 44 sena ilu wara li gradwa mill-Università ta’ Malta dak iż-żmien kienet magħrufa bħala The Royal University of Malta. F’intervista ma’ TVM, il-Professur Stephen…

Aktar