Lokali
Żewġ cruiseliners tad-ditta dinjija Viking jagħżlu l-Port il-Kbir bħala l-bażi tagħhom għas-sajf

Minn Lulju li ġej id-ditta dinjija tal-cruiseliners Viking se tkun qiegħda tagħmel ‘homeporting’ mill-Port il-Kbir għal 11-il destinazzjoni fil-Mediterran permezz tal-vapuri Viking Venus u Viking Sea.

Dawn il-vapuri se jibdew isalpaw lejn il-Kroazja, il-Greċja u l-Italja u l-gżira Għawdxija u mistennija jattiraw turisti Amerikani li se jkunu diġà mlaqqma mill-COVID-19.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port u Kap Uffiċjal Operattiv ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb.

Il-Ministru Bartolo rrimarka kif dawn il-cruiseliners iħaddmu protokolli tas-saħħa tal-ogħla livell, fejn ta’ kuljum il-crew u l-passiġġieri jkunu soġġetti għal testing permezz ta’ dak li jissejjaħ ‘non-invasive saliva PCR test’.

“Il-mod kif se taħdem Viking huwa eżempju ċar ta’ kif qegħdin naraw is-saħħa pubblika u t-turiżmu jimxu id f’id flimkien. Dan hekk kif turisti Amerikani se jkunu qegħdin iqattgħu ljieli f’pajjiżna, li minnhom se tkompli tibbenefika l-ekonomija Maltija,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port u Kap Uffiċjal Operattiv ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb saħaq kif, minkejja l-waqfa fl-industrija tal-cruising, kien żmien impenjattiv għal Valletta Cruise Port.

Flimkien ma’ numru ta’ stakeholders saret ħidma importanti fuq numru ta’ inizjattivi fosthom il-proġett tal-Grand Harbour Clean Air li se jkun qiegħed inaqqas aktar minn 90% tat-tniġġiż tal-arja fiż-żona tal-Port il-Kbir b’investiment ta’ €49.9 miljun, huwa żied jgħid.