Infrastruttura
Żewġ familji evakwati minn djarhom – ix-xogħol kif titla’ s-Saqqajja mistenni jieħu ġimgħat

Il-ħsara fil-parti ta’ fuq tat-telgħa tas-Saqqajja mhix żgħira, b’din l-arterja prinċipali tat-traffiku fir-Rabat jaf ikollha tibqa’ magħluqa għall-karozzi diversi ġimgħat. Għal Infrastructure Malta l-interventi li se jsiru mhumiex sempliċi xogħol ta’ traqqigħ, iżda t-triq se jkollha tinbena mill-qiegħ. Bħala prekawzjoni, żewġ familji ġew evakwati minn darhom.

Żewġ familji li joqogħdu fi djar kif taqbeż it-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat inħarġu minn darhom u ngħataw post alternattiv minn Infrastructure Malta. Din il-miżura ttieħdet sakemm tissewwa l-ħsara kkawżata mit-tiġrif ta’ ħajt li jwieżen it-triq ta’ quddiem darhom.

It-triq li ngħatalha wiċċ ġdid fl-aħħar tas-sena li għaddiet, kellha terġa’ tinqala’, din id-darba mill-qiegħ, wara li fil-maltempata ta’ nhar l-Erbgħa ġġarraf il-ħajt li kienet qed isserraħ fuqu. Il-ħajt jagħti għall-għelieqi taħt is-Saqqajja. Mal-faċċati tad-djar, tpoġġew blokok tal-konkos biex iżommu d-dar milli timxi ‘l quddiem.

Periti ta’ Infrastructure Malta u ħaddiema tal-kuntrattur niżlu m’għola żewġ sulari, wara l-pedamenti tal-ħajt, biex jifhmu l-istruttura kif inhi sakemm isibu l-blat. Ix-xogħol li għaddej lejl u nhar qed isir taħt għajnejn arkeoloġi tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Television Malta jinsab infurmat li diġà nstab kwantità ta’ fuħħar. Kelliem għall-Infrastructure Malta spjega li se jittieħdu kampjuni tal-blat, f’żona li fi kliem il-Perit Anton Zammit hi mibnija fuq it-tafal. Huwa żied li fil-ħajt li qed isserraħ fuqu t-triq inħolqu ħofor li dgħajfuha.

“Ħa nagħmlu intervent fejn se nsibu l-vojt fejn qiegħed, nidentifikaw l-ilma fejn hu ġej, nilqgħu l-ilma u nibnu struttura iktar b’saħħitha biex nistabilizzaw it-triq.”

Li kieku ma tħassritx iż-żjara tal-Papa Franġisku, l-uġigħ ta’ ras għall-awtoritajiet kien ikun ferm akbar, għax fi tmiem din il-ġimgħa din kellha tkun ir-rotta ewlenija li minnha jgħaddi l-Papa min-Nunzjatura f’Tal-Virtù lejn id-diversi attivitajiet li kellu skedati u lura. S’issa għadu mhux magħruf dan ix-xogħol kemm se jieħu żmien, billi jridu jittieħdu diversi kampjuni minn żoni differenti biex imbagħad il-periti, jiddeċiedu dwar l-aħjar intervent. Madanakollu, il-Ministru Ian Borg indika li din mhux se tkun ħidma ta’ ftit ġranet.

“Immedjatament bdew l-investigazjonijiet li wassluna biex nagħlqu t-triq u nibdew xogħlijiet ta’ emerġenza li jafu jdumu numru ta’ ġimgħat għax is-sitwazzjoni hi aktar serja milli wieħed ħaseb.”

Il-ħidma fiż-żona tas-Saqqajja tixbaħ ħidma oħra li għaddejja fiż-żona ta’ Għeriexem fuq ix-xaqliba l-oħra tar-Rabat li wkoll hi mibnija fuq it-tafal. Hawnhekk, Infrastructure Malta qed tieħu diversi kampjuni tal-blat biex imbagħad tiddisinja mill-ġdid din it-triq b’rispett lejn l-ambjent tal-wied faċċata tal-Imtarfa.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar