Reliġjon
Żewġ ġuvnotti dilettanti tal-festa ta’ Santa Margerita jħabirku biex iżejnu l-kappella

Żewġ dilettanti tal-festa; it-tnejn taħt il-15-il sena. Wieħed mill-Mosta u l-ieħor mis-Sannat, Għawdex. Xi ħaġa komuni bejniethom hija d-devozzjoni lejn Santa Margerita. Din il-ġimgħa ltaqgħu fil-kappella ta’ Santa Margerita fil-Mosta biex jiċċelebraw il-festa tal-qaddisa tagħhom.

Fir-Randan ittawwalna fil-kappella ta’ Santa Margerita u sibna lil John Paul Buhagiar Smith jittama li l-kappella li tant iħobb tiżżanżan għall-festa. L-appell tiegħu ntlaqa’. Qalilna li kienu bosta li marru b’kull tip ta’ affarijiet li jistgħu jżejnu lill-kappella li tant iħobb, u dil-ġimgha kellimnih fil-festa ta’ din il-qaddisa li għaliha hija ddedikata din il-kappella fil-Mosta li tmur lura sas-seklu sittax.

“Ħafna preparamenti għall-festa biex inkomplu għaddejin u sakemm tarma u hekk, u llum għandna t-translazzjoni, l-għasar tal-martri, barka, antifona u mbagħad tibda l-quddies u jitkanta l-innu fl-aħħar.”

Għalkemm il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet lil ħafna dilettanti ‘l bogħod mid-devozzjoni u d-delizzju tal-festi, għall-kommunità Mostija madwar il-kappella ta’ Santa Margerita, kellu jkun dan il-perjodu iebes li ġabhom flimkien u xammru l-kmiem biex jagħmlu attivitajiet bejniethom u anke jaħdmu biex ‘il quddiem il-kappella tinfetaħ għall-quddies u tibda ssir il-festa.

Bl-għajnuna tal-benefatturi li laqgħu l-appell li għamel iż-żagħżugħ John Paul biex ilibbes il-kappella li tant iħobb u l-għajnuna mill-Għaqda Armar tas-Sannat f’Għawdex li jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Margerita, parti mill-ħolma tiegħu saret realtà. Minn din il-kappella ma jkun bogħod qatt.

“Nofs il-ġurnata kollha tiegħi, għax niġi kuljum nipprepara dejjem, għax dejjem ikollok ċelebrazzjonijiet ta’ matul is-sena, hawnhekk ma tinfetaħx kuljum imma jkollok ħafna ċelebrazzjonijiet, għax għandek il-Milied, il-Ġimgħa l-Kbira, il-festa,” qalilna John Paul.

John Paul sab l-għajnuna ta’ tifel ieħor mis-Sannat, Gabriel Borg, li wkoll huwa dilettant tal-festa ta’ Santa Margerita ċċelebrata fis-Sannat. It-tnejn iħobbu jħabirku għall-festa daqs l-aqwa dilettanti, u fihom, it-tama li din it-tradizzjoni mnissla mill-fidi, m’għandhiex tintilef.

Il-kappella ta’ Santa Margerita ta’ Antijokja, Verġni u Martri qiegħda ma’ ġenb iċ-ċimiterju ta’ Santu Rokku fejn indifnu mitejn persuna li mietu bil-pesta. Il-kappella preżenti nbniet fl-1771 wara li l-ewwel waħda ġġarfet.

Fil-kappella tiġi ċċelebrata quddiesa darba fis-sena nhar id-19 ta’ Lulju fil-festa ta’ Santa Margerita, iżda l-kumitat soċjali Santa Margerita, li twaqqaf ftit tax-xhur ilu, qed iħabrek biex il-bibien tal-knisja jinfetħu iktar spiss għall-quddies.