Kronaka
Ħaddiem bi ġrieħi serji wara li nar ħa fit-Tarzna ta’ Palumbo

Ħaddiem tat-Tarzna ta’ Palumbo jinsab rikoverat fit-taqsima tal-Kura Intensiva wara li weġġa’ serjament fi nar li żviluppa f’impjant tal-elettriku fl-istess tarzna. F’dan l-inċident weġġa’ ħaddiem ieħor, li fortunatament ħelisha ħafif.

L-inċident seħħ għal ħabta tas-2.15pm. Minn stħarriġ li sar mill-Pulizija irriżulta li n-nar żviluppa waqt li kien qed isir xi xogħol fl-impjant. Fuq il-post issejħu minnufih il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Iż-żewġ ħaddiema ittieħdu l-Isptar Mater Dei minn ħaddiema oħra li kienu xogħol fit-Tarzna, mingħajr ma ntalbet l-għajnuna ta’ ambulanza.

Fi stqarrija Palumbo qal li l-qagħda taż-żewġ ħaddiema hija stabbli iżda TVM hu informat li wieħed mill-ħaddiema, raġel ta’ 45 sena min-Naxxar ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji u jinsab fl-ITU. Il-ħaddiem l-ieħor, li għandu 55 sena u huwa mill-Fgura, sofra ġrieħi ħfif.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa, Gabriella Vella li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident qed isiru mill-Pulizija mill-Għassa ta’ Bormla.