Qorti
Żewġ kaptani Tuneżini jeħlu €20,000 wara li daħlu f’ibħra Maltin bla avviż

Il-kaptani ta’ żewġ bastimenti li jtajru bandiera Tuneżina, u li ġew interċettati mill-Forzi Armati ta’ Malta fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u lbieraħ, ġew immultati €10,000 kull wieħed.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, Khnissi Khemais ta’ 41 sena u Belwaer Mohamed ta’ 39 sena, it-tnejn Tuneżini, ġew akkużati li daħlu bil-bastimenti tagħhom fl-ibħra Maltin mingħajr ma taw avviż tlett ijiem qabel.

Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta interċettat liż-żewġ bastimenti “Mohammed Yahia” u “Ayatou Allah” waqt li kienu qed jistadu fiż-żona ta’ konservazzjoni tas-sajd fir-responsabbiltà ta’ Malta. Iż-żewġ bastimenti kienu fil-punent ta’ Għawdex.

Is-suldati telgħu abbord iż-żewġ bastimenti u eskortawhom lejn il-Port il-Kbir. Il-Qorti ordnat liż-żewġ akkużati biex ma jħallux il-bastimenti tagħhom qabel iħallsu l-multa.