COVID-19
Żewġ każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta, 12 oħra mfejqa

Illum kienu kkonfermati żewġ każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 1,253 swab, biex issa t-total ta’ persuni pożittivi tela’ għal 455.

Is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci qalet li hemm 12 oħra li ġew iddikjarati mfejqa. B’hekk it-total ta’ persuni mfejqa huma ta’ 351, waqt li t-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 110.

Prof Gauci qalet li 80% kellhom is-sintomi, u 20% ma kellhomx sintomi, b’dawn tal-aħħar li l-maġġoranza tagħhom kienu miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Qalet li meta wieħed ineħħi lil dawk bla sintomi miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, hemm 11% tal-każijiet bla sintomi fil-komunità. Il-Professur Gauci qalet li qed isiru wkoll swabs lil persuni li ma jkollhomx sintomi.

Iż-żewġ każijiet ġodda li rriżultaw pożittivi għal Ċovid-19 huma raġel Sudaniż ta’ 33 sena li jgħix fil-komunità u jaħdem f’Malta. Huwa kien kuntatt ta’ persuna oħra li rriżultat pożittiva għall-virus fl-aħħar jiem. Ir-raġel ma kellux sintomi u kien diġà fi kwarantina u għalhekk qed isir biss contact tracing mal-membri li jgħixu taħt l-istess saqaf.

Il-persuna l-oħra hija mara Rumena ta’ 29 sena li taħdem Malta. Hija bdiet tħoss uġigħ fil-muskoli f’ġisimha kollu fis-27 April. Hi ma kinetx qed tmur xogħol u l-awtoritajiet qed jagħmlu contact tracing ta’ żewġ membri tal-familja li jgħixu magħha.

Il-Professur Gauci qalet li komplew jagħmlu swabs fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u ma nstab ħadd pożittiv.

Dwar il-każi attivi, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-maġġoranza tal-każi qed jinżammu d-dar u qed isir monitoraġġ tagħhom. Qalet li hemm tliet pazjenti fl-isptar u żewġ persuni fl-ITU fosthom wieħed li ddaħħal hemm fl-aħħar 24 siegħa għal aktar kura. Qalet li hemm ukoll tmien pazjenti fl-isptar Boffa u sitta oħra fl-isptar St Thomas.

Dwar it-12-il każijiet ġodda li fiequ dawn huma żewġ persuni ta’ bejn l-20 u 29 sena, tliet persuni ta’ bejn it-30 u 39 sena, ħames persuni ta’ bejn 50 u 59 sena, persuna ta’ bejn is-70 u 79 sena u persuna oħra ta’ ‘l fuq minn 90 sena.

Ara l-konferenza tal-aħbarijiet hawn:

Gepostet von Television Malta am Donnerstag, 30. April 2020

Ara wkoll:

Covid-19: Tista’ tmur ‘weekend break’ f’Malta stess?

La ma jeżistix vaċċin kontra l-Covid-19, ir-riskju li jfeġġu każijiet jibqa’ hemm

AĠĠORNAT: Uża din l-app biex tara għandekx bżonn test tal-Covid-19

Il-Professur Charmaine Gauci titkellem għall-ewwel darba fuq is-sitwazzjoni tal-football f’Malta