Ambjent
Żewġ kumpaniji bi ħwienet tal-merċa se jnaqqsu mas-6.5 miljun borża tal-plastik

Minbarra l-projbizzjoni tal-importazzjoni f’Malta ta’ oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss, mill-1 ta’ Jannar li għadda daħal fis-seħħ avviż legali ieħor b’restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta’ basktijiet tal-plastik ħfief.

Din il-liġi waslet biex żewġ kumpaniji li bejniethom għandhom aktar minn mitt ħanut tal-merċa bdew jieħdu inizjattivi ambjentali, tant li bejniethom se jnaqqsu aktar minn sitt miljun u nofs boroż u basktijiet tal-plastik fis-sena.

Mill-bidu ta’ din is-sena Malta bdiet timplimenta regolamenti tal-Unjoni Ewropea u waqfet l-importazzjoni ta’ boroż jew basktijiet tal-plastik ħfief bi ħxuna t’inqas minn ħamsin mikroni kif spjegalna l-uffiċjal tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Christopher Cousin.

“Għal din is-sena mhux se jitħallew jiġu iktar impurtati, lanqas immanifatturati hawn Malta biex jitpoġġew fis-suq ta’ Malta jiġifieri mhux se jkun hemm iktar produzzjoni għal Malta pero s-sena d-dieħla lanqas jistgħu jintużaw lanqas jekk jifdal fl-istokk.”

Fost l-oħrajn, il-grupp Maypole beda jilqa’ għal din il-bidla madwar sitt xhur ilu billi l-ħobż tal-Malti beda jiġi ppreżentat f’boroż tal-karti minflok tal-karti, kif spjegalna wieħed mid-diretturi ta’ dan il-grupp, Reuben Debono.

“Ma kenitx għażla faċli għax din tfisser li n-nies iridu jadattaw għal xi ħaġa ġdida, imma grazzi għal din il-miżura rnexxielna nnaqsu 1.5 miljun boroż tal-plastik miċ-ċirkolazzjoni.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Convenience, Martin Agius, qal li l-kumpanija ddeċidiet tagħmel il-qalba għal basktijiet bijodegradabbli biex tnaqqas ammont konsiderevoli ta’ plastik konvenzjonali.

“Aħna nikkunsmaw ‘l fuq minn ħames miljun borża fis-sena jiġifieri madwar 33 tunnelata ta’ plastik allura b’din l-inizjattiva se niffrankaw lill-ambjent 33 tunnellata ta’ plastik.”

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu, iżda bil-koperazzjoni u inizjattivi pożittivi minn kumpaniji privati, il-bidla għal ekonomija aktar sostenibbli sseħħ aktar malajr.

“Huwa importanti li s-settur kummerċjali jkun magħna f’din it-tranżizzjoni ekoloġika li l-pajjiż għaddej minnha, u għalhekk irringrazzjathom li għandhom l-ambjent fuq nett tal-aġenda tagħhom ukoll.”

Il-Ministru Farrugia qal li hija din il-kuxjenza soċjali u ambjentali li tmexxi l-ekonomija fid-direzzjoni t-tajba, u tassigura li pajjiżna jkompli miexi f’dan il-vjaġġ lejn sostenibbiltà u ambjent aktar nadif.