Kronaka
Żewġ persuni aggrediti u misruqa fil-Ħamrun

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija qegħdin jinżammu arrestati, wara li matul il-lejl illi għadda allegatament aggredew u serqu żewġ persuni fil-Ħamrun.

Kienu għall-ħabta tas-2.30, xħin il-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza fi Triq Joe Sciberras, il-Ħamrun.

Il-Pulizija marru fuq il-post u hemmhekk sabu raġel ta’ 32 sena residenti Tal-Pietà u mara ta’ 37 sena mill-Moldova, fejn qalu li kienu għadhom kemm ġew aggrediti u misruqa minn tliet persuni barranin. L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.

Minnufih bdiet tfittxija għall-agressuri u ftit wara ġew innutati żewġ persuni suspettużi li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Iż-żewġt irġiel, li huma mill-Eritrea, ġew arrestati, fejn ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana fejn qegħdin jinżammu għal aktar stħarriġ.

Il-mara u r-raġel ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal kura, fejn aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel sofra minn ġrieħi ħfief.