Lokali
AĠĠORNAT: Ġuvni arrestat wara li attakka Pulizija bir-ramel waqt spezzjoni fuq bajja

Ġuvni ta’ 19-il sena, residenti Ħaż-Żabbar, kien arrestat wara li ħebb għall-pulizija waqt spezzjonijiet b’rabta ma’ ksur ta’ regolamenti tal-COVID-19.

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-6.30pm, Pulizija tal-Environmental Protection Unit (EPU) kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fl-inħawi tal-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, fejn innutaw grupp ta’ sitt persuni miġburin ħdejn xulxin fuq il-bajja, fejn spjegawlhom li ma jistgħux ikunu fi grupp ta’ aktar minn żewġ persuni.

Żewġ Pulizija tkellmu mal-persuni involuti li kkoperaw mal-Pulizija, filwaqt li l-ġuvni ta’ 19-il sena beda jirrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu u ma obdiex l-ordnijiet mgħotija lilu sabiex ma jibqax fi grupp, u anke sabiex jobdi r-regoli ta’ distanza soċjali imposti minħabba il-pandemija.

Wara ftit ħin il-ġuvni qabad xugaman li kien mimli ramel u xejru fid-direzzjoni tal-pulizija. Wieħed minnhom intlaqat direttament f’wiċċu, bil-konsegwenza li l-pulizija spiċċa bir-ramel f’għajnejh. Wara li mar f’Ċentru tas-Saħħa għal kura, huwa ġie riferut għall-Isptar Mater Dei għal iktar assistenza medika, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.

Il-ġuvni ittieħed fl-Għassa tal-Qawra fejn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.