Kronaka
Żewġ sewwieqa ta’ mutur jindarbu gravi f’ħabtiet fil-Mosta u Ħal Kirkop

Żewġ sewwieqa ta’ mutur ilbieraħ waranofsinhar indarbu gravi f’żewġ ħabtiet separati fil-Mosta u f’Ħal Kirkop.

Fl-ewwel inċident, raġel ta’ 31 sena li joqgħod ir-Rabat ilbieraħ weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku fil-Mosta. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident fi Vjal Ragusa għal xi s-1.30 ta’ waranofsinhar.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Mitsubishi L200 Warrior, misjuq minn raġel ta’ 64 sena residenti l-Mosta, u mutur Muz Baghira, misjuq mir-Rabti. Is-sewwieq tal-mutur ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Fit-tieni inċident, raġel mill-Bangladesh ta’ 21 sena li joqgħod il-Mosta weġġa’ gravi f’inċident f’Ħal Kirkop. Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bil-ħabta fi Triq l-Ewwel Titjiera 1915 għal xi l-5.00 ta’ waranofsinhar.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Lexus IS220D, misjuqa minn Sirjan ta’ 25 sena residenti Raħal Ġdid, u mutur Kymco Agility, misjuq minn raġel mill-Bangladesh. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ