Kronaka
Żewġ ‘speed cameras’ oħra fi Triq il-Kosta

L-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) lestiet l-installazzjoni ta’ żewġ ‘speed cameras’ fi ‘black spots’ fi Triq il-Kosta.

Dan sar wara li saru l-istudji u nġiebu l-approvazzjonijiet neċessarji fuq rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn inkjesta maġisterjali.

Il-LESA qalet li permezz ta’ dawn l-‘speed cameras’ se jkun qed isir investiment fis-sigurtà tas-sewwieqa u b’hekk jiġu evitati inċidenti li fil-passat ikkawżaw anke fatalitajiet.

Dawn l-‘ispeed cameras’ huma attivati fuq bażi ta’ twissija jiġifieri li l-persuni li tinħarġilhom kontravenzjoni bejn il-perjodu ta’ 14 ta’ Mejju u 23 ta’ Mejju se jkunu qegħdin jirċievu biss notifika li qabżu l-limitu ta’ veloċità permessa.

Il-LESA wissiet li l-kontravenzjonijiet effettivi se jibdew jiġu maħruġa mill-24 ta’ Mejju.

Peress li ma ngħatax dettalji dwar il-veloċità massima permessa biex persuna ma taqlax iċ-ċitazzjoni TVM staqsa lill-kelliem tal-LESA dwar dan.

Huwa rrispondina li l-veloċità hija skont it-tabelli f’żoni differenti tat-triq u rrimarka li hemm inħawi fejn permess sewqan bis-60km fis-siegħa u oħrajn bis-70km fis-siegħa.