Lokali
Żewġ stallazzjonijiet fi pjazza tritoni biex ifakkru jum l-Ewropa

Fi Pjazza Tritoni, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta tpoġġew żewġ installazzjonijiet biex ifakkru Jum l-Ewropa se jiġi ċċelebrat jumejn oħra.

Bit-tema ‘L-Unjoni Ewropea magħquda kontra l-COVID-19’, l-installazzjoni tħares lejn il-ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru f’diversi oqsma mill-pandemija li offriet sfida lill-pajjiżi membri biex jaħdmu flimkien għal soluzzjonijiet komuni. L-installazzjoni tippromovi wkoll il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – eżerċizzju li se jitnieda jumejn oħra biex iċ-ċittadini Ewropej jesprimu ruħhom dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, fissret kif l-aġenzija fost oħrajn tgħin lil organizzazzjonijiet jibbenefikaw minn fondi Ewropej filwaqt li tinvolvi lin-nies f’laqgħat pubbliċi dwar is-suġġett.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, irrefera għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea fosthom l-immigrazzjoni illegali u l-ekonomija anke fid-dawl tal-pandemija. Il-Ministru Abela qal li issa iktar minn qatt qabel hu importanti li ċ-ċittadini Ewropej, inkluż il-Maltin, isemmgħu leħinhom biex jgħinu fit-tfassil tal-Ewropa tal-futur.