Qorti
Żewġ studenti jsawtu anzjan ta’ 72 sena u jiksrulu 7 kustilji

Żewġ studenti ta’ 23 sena, wieħed Franċiż u l-oħra Spanjola, tressqu l-Qorti akkużati li kmieni l-Ħadd filgħodu f’San Ġiljan heddew u darbu gravi lil anzjan ta’ 72 sena u li għamlu ħsara fuq vettura tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili. Huma kienu mixlija wkoll li kissru l-paċi pubblika u li kienu xurbana f’post pubbliku.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-Ħadd għall-ħabta tas-6.30am, l-anzjan qabad lill-istudenti jivvandalizzaw vettura tal-protezzjoni ċivili u pprova jwaqqafhom u ġibed filmat tagħhom. Żiedet tgħid li l-istudenti daru għall-anzjan u tawh xeba. Filmat minn kamera tas-sigurtà juri lill-anzjan jaqla bis-sieq mingħand l-akkużati u rathom ukoll persuna oħra li tgħix fl-akwati.

Il-prosekuzzjoni qalet li malli l-pulizija marru fuq il-post sabu lill-anzjan bilkemm jista’ jitkellem jew jiċċaqlaq. Aktar tard fl-isptar ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi għax kisrulu seba’ kustilji. Ronan Clyde Hamill u Paula Romero Fernandez wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi bl-avukati difensuri jagħmlu talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba għax l-akkużati m’għandhomx indirizz fiss f’Malta u la l-vittma u lanqas ix-xhud għadhom ma xehdu. Il-Qorti nnotat ukoll li l-akkużati m’għandhomx impjieg u allura m’għandhomx mezzi u kellhom l-intenzjoni li jitilqu minn Malta t-Tnejn. Rat ukoll li qabel dan il-każ, l-akkużati kienu diġà twaqqfu mill-pulizija ġurnata qabel fis-sakra.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-anzjan.