COVID-19
“Żewġ terzi tal-pazjenti bil-Covid-19 fl-ITU jispiċċaw fuq ventilator” – Dr Carmel Abela

Żewġ terzi tal-pazjenti fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, l-ITU jispiċċaw fuq ventilator. F’intervista ma’ Television Malta iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Anestesija u l-Kura Intensiva, Carmel Abela, spjega kif il-ventilator li jintuża meta l-infezzjoni fil-pulmun tant tkun qawwija li pazjent ma jkunx jista’ jieħu nifs waħdu biex jibqa’ ħaj.

Bħalissa hemm bejn 16 u 20 pazjent marid bil-Covid-19 fit-Taqsima għall-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, bl-età medja hi ta’ 57 sena.

Iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Anestesija u l-Kura Intensiva, Carmel Abela qal lil Television Malta li terz tal-pazjenti bil-Covid-19 li jispiċċaw jidħlu fl-ITU ma jkollhomx bżonn ventilator iżda jieħdu l-ossiġnu bil-maskri jew b’pajpijiet mill-imnieħer.

“Jekk b’dan it-tip ta’ ossiġnu, il-pazjent ma jkampax, jispiċċa fuq ventilazzjoni artifiċjali għaliex l-infezzjoni fil-pulmun tant tkun qawwija li ma jkunx jista’ jieħu nifs waħdu u għalhekk jitpoġġa fuq ventilator li jżommu ħaj.”

Dr Abela spjega ma’ TVM l-irwol importanti tal-anestetisti fl-ITU, li huma tobba mħarrġa biex jieħdu ħsieb lill-pazjenti meta jkunu fl-aktar mumenti kritiċi u huma mħarrġa biex jagħmlu tracheostomy, jiġifieri kif jgħaddu l-pipe tal-ventilator minn qasma fl-għonq, għall-pipe tan-nifs il-kbir fil-pazjent.

“Ikun hemm bżonn li l-pazjent inżommuh rieqed bil-loppju jiġifieri għalhekk min ikun fl-ITU ħafna drabi jkun bil-mediċini tal-loppju. Li neqilbuhom wiċċhom l-isfel tgħin lil kull min ikollu din il-forma ta’ kundizzjoni ngħidulha ARDS jiġifieri Acute Respiratory Distress Syndrome fejn il-pulmun jimtela b’ħafna infjammazzjoni l-pulmun kollu.”

Qal ukoll li meta l-pazjenti jkunu wiċċhom ‘l isfel, jitjieb l-ammont ta’ ossiġnu li jista’ jidħol mill-pulmun għal ġod-demm. L-ispeċjalisti tal-ITU jibdew inaqqsu bil-mod il-mod l-għajnuna tal-ventilator, sakemm il-pazjent jerġa’ jibda jieħu n-nifs waħdu.

“Wara l-Covid ħafna drabi jispiċċaw bi tracheostomy u ħafna drabi mill-ITU joħroġu f’sala fejn jistgħu jieħdu ħsieb il-pazjenti bi tacheostomy. Eventwalment din tinqala wkoll.”

Fost l-akbar sfidi għal kwalunkwe pazjent fl-ITU hija l-obeżità li minbarra li tikkawża mard ieħor bħal dijabete, pressjoni għolja, il-kolesterol u l-mard tal-qalb, li ukoll ma jgħinux pazjenti bil-Covid. Meta meħtieġ li jitpoġġew fuq il-ventilator, l-obeżità tikkaġuna problemi kbar biex l-ossiġnu jgħaddi dirett fil-pulmun.