Qorti
Żewġ xhieda oħra fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia semgħet ix-xhieda ta’ Sandro Craus, li ilu jmexxi it-taqsima tal-Customer Care f’Kastilja mill-2013. Hu qal li ma jiftakarx jekk fuq ordni ta’ Keith Schembri kienx ċempel lil Melvin Theuma biex isiblu impjieg.

Is-Sur Craus qal hu jiltaqa’ ma’ għadd kbir ta’ persuni f’Kastilja u lanqas seta’ jiftakar jekk kienx ħa xi ritratt ta’ Melvin Theuma ma’ Keith Schembri.

Is-sur Craus qal ukoll li kien isegwi l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia iżda mhux kuljum, u meta kkumenta jew tella’ posts dwarha, għamel kif jagħmel ħaddieħor f’ċirkostanzi normali bħala politiku li kkontesta l-elezzjonijiet f’isem l-Partit Laburista.

Qal li meta għamel like fuq post ta’ Neville Gafa, li beda jirredikola lis-Sinjura Caruana Galizia minħabba l-għajbien tal-laptop tagħha wara l-omiċidju, twettaq fl-istess spirtu.

Ċaħad ukoll li kien involut fil-blog ta’ Glen Beddingfield u qal li ġieli ħassar xi posts li tella’ dwar Daphne, iżda ma jistax jiftakar liema kienu.

Xehdet ukoll il-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Sylvana Debono, li aċċennat x’miżuri għandhom ikunu implimentati biex iħarsu s-sigurtà tal-ġurnalisti.

Qalet li l-monitoraġġ dwar lingwaġġ ta’ mibgħeda hu assenti u elenkat id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-ġurnalisti biex jiksbu l-informazzjoni minkejja li huma legalment intitolati għal dan.