Stejjer Umani
Żewġha riedha tagħmel abort, waqfitlu u waddabha mill-gallarija

Mara li għexet is-swat u l-infedeltà minn żewġha fetħet qalbha dwar l-esperjenza li ġarrbet biex tagħmel kuraġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u ħeġġithom jieqfu lill-aggressur.

Stampat f’moħħ il-mara mument meta snin ilu ġiet stuprata minn żewġha, li fit-tqala bagħatha tagħmel abort, u meta kienet fi triqitha għall-intervent dawret ir-rotta u ma daħlitx fil-klinika. Dan kollu seħħ meta kienet tgħix il-Greċja. Irritornat Malta f’qagħda tant imwiegħra li missierha m’għarafhiex.

“Ġejt irrejpjata minn żewġi. Dik ma nistax ineħħiha minn moħħi.” Stqarrija xokkanti ta’ Judy Varda, Maltija li kienet miżżewġa Grieg, li għal bosta snin għexet l-imrar tal-vjolenza domestika. Tgħid li dawn l-azzjonijiet bdew meta marret tgħix il-Greċja.

“Ried ikollu x’jaqsam u jien għedt le. Le u le. Qabad iċ-ċintorin bil-bokkla. Swat minn rasi sa saqajja u xorta bqajt le u le. Sakemm fl-aħħar kelli nċedi għax bqajt mingħajr saħħa,” tirrakkonta Judy.

Qalet li wara 6 xhur tqala, żewġha ta l-flus biex tmur tagħmel abort. “Bkejt. Bkejt ħafna, imma waħdi, għajnuna ta’ ħadd. Mhux mort biex ineħħiha għax ridt, imma ma kienx hemm triq oħra.”

Fi triqitha biex ittemm il-ħajja tat-tarbija, Judy ħasset ċaqliqa. “Il-Bambin qisu tani saħħa barranija. Għedt le. Inżilt. Qsamt it-triq u mort lura d-dar. Qalli neħħejtha? Għedtlu le. Dawn tiegħek. Armejthomlu ma’ wiċċu u għedtlu t-tarbija tiegħi.”

Tgħid li xħin sema’ hekk irvilla. “Qalibni minn gallarija ta’ sular.” Spiċċat l-isptar u t-tabib ried ikun jaf xi ġralha. “Qed ngħidlu imsomma u daħlu l-Pulizija, qalli ħa mmorru narrestawh.”

Judy u żewġha kienu jaħdmu fl-istess lukanda. Tirrakkonta b’għafsa ta’ qalb meta qabditu ma’ mara oħra. “Ftaħt il-bieb u sibthom fis-sodda t-tnejn. Tistgħu taħsbu.” Irrisponda b’mod aggressiv. “Qabad il-laħam friżat u faqagħli l-għadma ta’ mnieħri.”

Bintha kienet wissietha biex ma tmurx id-dar. “Qaltli Ma, tersaqx lejn id-dar għax il-papà għandu sikkina u pistola biex jisparali u ma rsaqtx.”

Episodju ieħor kien meta ġiegħelha tintefa’ wiċċha ‘l isfel fuq is-sodda. “Rajtu dieħel b’ħabel. Minn dawk tal-bjar. Ħoxnin. Dawru bi 8 u tefgħu fl-ilma. Niżżilt erġajt rasi fuq is-sodda u naqla’ l-ewwel daqqa bi 8 u ma tobsorhiex li se jtik, imma qed ngħidlek. Ma nafx. Dahri ħassejtu jinqata’.”

Imkissra, Judy marret l-għassa. “Għedtlu tani xebgħa ħabel, u daħak. Qalli mela inti ħmar? Qbadt u għollejtlu l-ġerżi, u kif rani, qalli qatt ma rajna. Qalli se ngħinuk imma trid titlaq Malta.

Judy niżlet Malta b’ta fuqha senduqha. “Ħabbatt il-bieb u fetaħ missieri. Lanqas ilħaqt għedtlu ‘hawn pa’. Ħares lejja. Dar wiċċu n-naħa l-oħra. Qalilha Salv, qalilha ejja hawn waħda fqira tiha xi ħaġa. Ħares lejja, u għedtlu m’intix tagħrafni?”

“Kont tfajla sabiħa qabel tlaqt imma ġejt qisni mara xiħa,” qalet Judy.

Staqsejt lil Judy għaliex baqgħet f’dik ir-relazzjoni ma’ żewġha. Qaltli li ma kellhiex sold fuq xiex taħlef u beżgħet taħrab b’bintha minħabba qrabatu. “Jekk jisirquhieli t-tifla mat-triq? Fhimt? Huma riedu t-tifla. Għamlu minn kollox biex jeħduha.”

Judy iddeċidiet li taqsam dak li għaddiet minnu biex tagħmel kuraġġ lil ħaddieħor. “Toqgħodx tgħidli llum tani daqqa se naħfirlu. Le taħfirlux. La l-mara lir-raġel u lanqas ir-raġel lill-mara, għax għada se jtik tnejn u tlieta.”

Illum, ħsibijietha fuq l-ex raġel tagħha huma ċari. “Taf meta jiġu l-iktar? Meta nkun marida u jkolli d-deni. Niftakar fih. Ngħid aħjar dan id-deni milli hu.”

Judy Varda tixtieq tirringrazzja lil Angie Laus u lil Russell Sammut li kienu ta’ spalla kbira għaliha. Judy tkellmet dwar din l-esperjenza u oħrajn fil-programm Tough Luck li jixxandar kull nhar ta’ Tnejn wara l-aħbarijiet tat-8pm fuq Television Malta. 

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Karnival ta’ Malta jinżel fl-istorja mhux biss għall-karrijiet, u kostumi u maskeruni ikkuluriti, iżda wkoll għat-temp tar-rebbiegħa li għamel f’nofs ix-xitwa. U dan huwa element importanti fir-renju tal-bluha li għat-tielet…

Teknoloġija

L-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali, li għandha r-responsabiltà li tirregola s-settur tad-Distributed Ledger Technologies u l-Intelliġenza Artifiċjali, għaddejja b’taħdidiet ma’ numru ta’ entitajiet fosthom Transport Malta u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex tintuża l-aħħar teknoloġija…

Saħħa

Rapport annwali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard juri li f’temp ta’ għaxar snin il-każijiet ġodda ta’ HIV f’Malta sparaw il-fuq. Kienu 72 persuna li tul is-sena li għaddiet irriżultaw…

Qasam soċjali

Taqra l-brevjar minn fuq it-tablet waqt li qed tagħmel id-dijalisi, Suor Agnes Zammit qalet li din hija r-realtà li ilha tgħixha għal dawn l-aħħar xahrejn għal tliet darbiet fil-ġimgħa. Hija…

Aktar