Żewġt ibdiewa Melliħin ħatja li ħadu sussidju fuq tadam importat

Sentenza sospiża għal żewġt ibdiewa Melliħin li ffrodaw lill-gvern meta applikaw għal sussidju fuq tadam mkabbar lokalment li fil-verità kien importat minn Sqallija. Għalkemm huwa maħsub li s-sussidju kien ta’ madwar €100, mhux magħruf l-ammont eżatt.

Il-każ seħħ f’Novembru 2003 meta fil-pitkalija f’Ta Qali, kien nstabu żewġ tunnellati ta’ tadam importat. Fil-pitkalija ma jistgħux jidħlu prodotti importati. Dak iż-żmien il-produtturi lokali kienu eliġibbli għal sussidju tal-gvern mill-fondi Ewropej fuq prodotti lokali.

Sussegwentament, Joseph Attard ta’ 55 sena li huwa bidwi full-time u s-sieħeb fin-negozju tiegħu, Joseph Galea ta’ 56 sena, tressqu l-Qorti akkużati bi frodi. Fl-investigazzjoni l-pulizija sabet li t-tadam fis-serra ta’ Galea kienu għadhom ħodor u fil-garaxx instabu kaxxi tal-injam mimlijin tadam minn bejjiegħ Taljan. Numru minn dawn il-kaxxi kienu vojta.

 

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti nnotat li mir-rapport tal-espert ħareġ ċar li t-tadam kien importat x’aktarx minn Sqallija u aktar tard tħallat ma’ tadam lokali.

Iż-żewġt irġiel instabu ħatja ta’ frodi u li għamlu dikjarazzjoni falza. Huma ġieli wettqu reati oħra fil-passat bil-Qorti tgħid li sentenza effettiva ta’ ħabs kienet tkun il-kastig f’waqtu. Iżda, minħabba l-fatt li l-frodi kien jinvolvi ammonti żgħar ta’ flus u seħħ aktar minn għaxar snin ilu, il-Qorti kkundannathom kull wieħed 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.