Kronaka
Żewġt irġiel aggrediti b’sikkina fil-Marsa – wieħed ferut gravi

Raġel ta’ 28 sena mill-Eritrea weġġa’ gravi wara li allegatament kien aggredit b’sikkina fil-Marsa. Sieħbu ta’ 18-il sena, wkoll mill-Eritrea, kien ferut ħafif.

Il-Pulizija qalet li għall-ħabta tas-12.45am żewġt irġiel Eritreani ta’ 28 sena u 18-il sena daħlu l-Għassa tal-Ħamrun u rrapportaw li ftit ħin qabel, waqt li kienu qegħdin fi Triq Antonio Doublet, ġew aggrediti minn tlett irġiel oħra.

Allegatament, l-aggressuri kellhom arma li taqta’ u bil-ponta.

Minħabba li l-vittmi, li t-tnejn joqgħodu Birżebbuġa, kellhom xi ġrieħi, il-Pulizija talbet għall-assistenza medika u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Il-Pulizija qalet li għaddejja bl-investigazzjonijiet u bit-tfittxijiet għall-aggressuri.