Lokali
Żewġt irġiel akkużati bi vjolenza domestika – iwieġbu mhux ħatja u jinħelsu mill-arrest

Żewġt irġiel tressqu l-Qorti f’każi separati, mixlija b’akkużi ta’ vjolenza domestika. Huma wieġbu li mhumiex ħatja u ngħataw il-ħelsien mill-arrest, it-tnejn fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Anthony Dalli ta’ 67 sena li jgħix il-Gżira, ġie mixli li kien vjolenti fil-konfront ta’ martu, li ta fastidju fil-preżenza ta’ minuri u li kkaġunalha biża li se tintuża vjolenza kontriha. Hu kien akkużat ukoll li kkaġuna lil martu ġrieħi ħfief, li heddidha u insulentaha.

Fit-tieni każ, Christopher Spiteri ta’ 46 sena li jgħix Pembroke ġie mixli li ta fastidju lil martu u omm uliedu, li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li heddidha u li għamel ħsara f’affarijiet li jappartjenu lil martu. Fiż-żewġ każi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi għal perjodu ta’ erba’ snin u ordnat fost kundizzjonijiet oħra li ż-żewġ akkużati jiffirmaw l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.